Żewġ żgħażagħ jheddu Pulizija fis-2am

Photo by suzukii xingfu from Pexels

Żewġ żgħażagħ ġew arrestati wara li l-Ġimgħa fis-2am heddew Pulizija, kisru l-paċi pubblika u kienu fi grupp ta’ iktar minn tliet persuni.

Ġuvni ta’ 18-il sena, residenti San Pawl il-Baħar u tfajla ta’ 20 sena residenti Siġġiewi, tressqu taħt arrest il-Qorti dalgħodu minħabba dan il-każ li seħħ fix-Xatt ta’ San Ġorġ, f’San Ġiljan.

Iż-żewġ żgħażagħ ammettew l-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia lliberat lill-ġuvni bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien 8 xhur, waqt li t-tfajla ġiet illiberata bil-kundizzjoni li ma twettaqx reat ieħor fi żmien 6 xhur.

Huma kienu mmultati wkoll €900 kull wieħed. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Xerri mid-Distrett ta’ San Ġiljan.