Żewġ żgħażagħ il-ħabs dwar dokumenti foloz

A man holds passengers' passports found at the scene of the Ethiopian Airlines Flight ET 302 plane crash, near the town of Bishoftu, near Addis Ababa, Ethiopia March 12, 2019. REUTERS/Baz Ratner

Żewġ żgħażagħ Sudaniżi, ta’ 15 u 17-il sena, ingħataw sentenza ta’ bejn tliet u sitt xhur ħabs talli użaw dokumenti foloz fit-tentattiv tagħhom li jidħlu l-Italja.  

Huma tressqu ilbieraħ quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella akkużati li ffalsifikaw dokument, kif ukoll li kellhom pussess tagħhom passaporti ffalsifikati.

L-Ispettur Lara Butters spjegat kif iż-żgħażagħ ġew arrestati fl-Arjuport Internazzjonali ta’ Malta waqt li ppruvaw jaqbdu titjira lejn Bergamo bl-użu tad-dokumenti foloz.

Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena kien akkużat ukoll li sar reċediv, wara li nstab ħati ta’ reat ieħor f’Novembru 2019.

Iż-żewġ akkużati ammettew l-akkużi miġjubin kontrihom.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu, l-avukat Simon Micallef Stafrace talab għal klemenza minħabba l-età tal-akkużati, b’mod partikolari ż-żagħżugħ ta’ 15-il sena.

Il-Qorti sabet liż-żgħażagħ ħatja fuq l-ammissjoni tagħhom stess. Iż-żagħżugħ ta’ 17-il sena ġie kkundannat sitt xhur ħabs, filwaqt li ż-żagħżugħ ta’ 15-il sena ġie kundannat tliet xhur.

F’każ  ieħor. żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Bangladesh, ġie kundannat tmien xhur ħabs wara li ammetta akkużi wkoll fuq passaporti foloz wara li ħarab mill-Barracks ta’ Ħal-Safi fis-6 ta’ Settembru ta’ din is-sena.