Żewġ żgħażagħ arrestati; instab li kellhom id-droga fil-karozza

Arkivji

Ġuvni minn Ħaż-Żebbuġ ġie arrestat wara li nstab li kellu sustanza suspettata droga, kif ukoll oġġetti oħra relatati mad-droga. Il-Pulizija fi stqarrija qalu li l-ġuvni ta’ 24 sena kien qed isuq b’manjiera traskurata u perikoluża. Miegħu, bħala passiġġier, kien hemm tfajla ta’ 23 sena residenti l-Mosta li fil-basket tagħha nstabet ukoll id-droga.

Dan l-arrest seħħ fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq meta l-Pulizija kienu qed jagħmlu l-kontrolli tat-traffiku.

Il-Pulizija tar-RIU u tal-SIU wettqu tfittxija fil-vettura fejn sabu baskett żgħir li kien fil-pussess tal-ġuvni u fih instabet is-sustanza. Fl-oġġetti l-oħra instab li fihom kien hemm hemm ukoll traċċi allegatament droga. Saret tfittxija ukoll fil-handbag tat-tfajla u fih instabu boroż żgħar bi traċċi suspettata droga.

Il-każ qed ikompli jiġi investigat mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Birkirkara.