Min għadu qed jittama li jieħu siġġu fil-Parlament?

Għadd ta’ kandidati għadhom qed jittamaw li jiksbu siġġu fil-Parlament.
Dan hekk kif bis-sistema elettorali Maltija, il-kandidati li jitilgħu fuq żewġ distretti jridu jċedu siġġu minnhom u dan jieħdu l-kandidat li jkun kiseb l-aktar voti fit-tieni preferenza.
Għaldaqstant dan jista’ jwassal biex uċuħ familjari jerġgħu jitilgħu fil-Parlament, fosthom l-eks Ministri Edward Zammit Lewis u Manuel Mallia kif ukoll il-kandidat Nazzjonalista George Pullicino. Ma’ dawn hemm iċ-ċans li l-Parlament jara wċuħ ġodda fosthom tal-kandidati Nazzjonalisti David Thake u Ivan Bartolo u tal-kandidati Laburisti Rosianne Cutajar u Glenn Bedingfield.
Dr Zammit Lewis ma rnexxilux jitla’ la mit-tmien u lanqas mid-disa’ distrett. Għalhekk issa qed jiddependi mill-kandidati eletti Edward Scicluna jew Michael Falzon, li t-tnejn li huma telgħu minn żewġ distretti fosthom id-distretti li kkontesta Dr Zammit Lewis.
Min-naħa tiegħu Manuel Mallia wkoll ma telax u issa qed jiddependi minn Michael Falzon biex forsi jkollu ċans jitla’ mill-10 distrett.
Il-Prim Ministru wkoll irid iċedi siġġu minnhom hekk kif ġie elett mit-tieni u mill-ħames distrett. Jekk Dr Muscat iċedi s-siġġu tat-tieni distrett ikun qed jilqa’ fil-Grupp Parlamentari tiegħu lil Glenn Bedingfield iżda jekk iċedi tal-ħames distrett ikun qed iħalli jidħol fil-Parlament l-eks President tal-Partit Laburista Stefan Zrinzo Azzopardi.
Is-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar u s-Sindku tar-Rabat Charles Azzopardi qed jiddependu minn Silvio Schembri. Jekk iċedi tas-sitt distrett tiġi eletta Rosianne Cutajar u jekk iċedi s-seba’ distrett jitla’ Charles Azzopardi.
Min-naħa l-oħra l-kandidat David Thake jidher li għandu ċ-ċans li jirbaħ is-siġġu tal-Parlament mit-tmien distrett wara li l-membru Parlamentari Ewropew Therese Comodini Cachia ċediet is-siġġu tagħha fil-Parlament. Thake jidher li  kiseb l-aktar voti fuq it-tmien distrett taħt il-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa tiegħu Ivan Bartolo qed jittama li jew David Agius jew il-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil iċedu s-siġġu tagħhom fil-11-il distrett.
Madankollu jekk Dr Busuttil iċedi s-siġġu tat-12-il distrett ikun qed jagħti ċans jew lil David Thake jew lis-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar Graziella Galea.
Min-naħa tiegħu Robert Arrigo li ġie elett mid-disa’ u l-10 distrett jista’ jiftaħ il-bieb lil George Pullicino, wara li l-Kap tal-Partit Demokratiku rnexxielha taqbżu fl-10 distrett.
Sadanittant ilbieraħ il-Partit Nazzjonalista ngħata żewġ siġġijiet oħra fil-Parlament li se jkunu qed jittieħdu minn veterani tal-politika, Carm Mifsud Bonnici u Frederick Azzopardi.
Hekk kif il-Partit Laburista ġab 37 siġġu fil-Parlament, daħlet fis-seħħ emenda kostituzzjonali li tissalvagwardja l-preżenza ta’ kandidati miż-żewġ naħat li tkun proporzjonali għal kemm ġabu voti.
Peress li distakk ta’ 35,000 ifisser 7 siġġijiet aktar għall-PL, u l-PN tella’ 28 kandidat, mela d-distakk bejniethom mhuwiex ta’ 7 siġġijiet iżda ta’ 9.Huwa għalhekk li l-PN żdied żewġ siġġijiet.
Dawn is-siġġijiet jingħataw lil dawk il-kandidati mhux eletti li resqu l-aktar qrib li jiġu eletti.
Carm Mifsud Bonnici, avukat, serva fil-passat bħala Ministru tal-Affarijiet Barranin, u Frederick Azzopardi għandu ’l fuq minn 20 sena esperjenza fil-Parlamet Malti.