Żewġ vaċċini kontra l-meninġite b’xejn għat-trabi ta’ din is-sena

DOI: Clodagh O'Neill

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne nieda żewġ vaċċini ġodda għal kontra l-meninġite li se jibdew jingħataw lit-trabi li twieldu din is-sena. Dawn huma kontra l-meninġite B u kontra l-meninġite ACWY.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Fearne spjega li dawn iż-żewġ tilqimiet se jkunu qed jipproteġu lit-tfal Maltin kontra l-meninġite. F’Malta ta’ kull sena jkun hawn madwar 10 każijiet ta’ meninġite li f’ċertu każijiet iwasslu għal mewt.

Qal li s’issa t-tilqim tal-meninġite f’ħafna każijiet kien jingħata biss fil-privat. Bit-tilqim imħabbar illum u dik imħabbra fl-aħħar ġimgħat kontra pneumonite u mard ieħor fosthom ukoll il-meninġite, il-ġenituri Maltin se jkunu qegħdin jiffrankaw mas-€700 għal kull wild.

Fearne qal li l-Gvern se jkun qed jinvesti ‘l fuq minn €3 miljuni għal dawn is-servizzi. Qal li ta’ kull sena, fit-taqsima primarja jingħataw madwar 70,000 tilqima li l-maġġoranza tagħhom jingħataw lit-tfal.Bl-introduzzjoni ta’ dan it-tilqim issa hemm total ta’ tmien tilqimiet differenti li jagħti b’xejn il-Gvern li b’kollox jipproteġi minn 16-il marda serja.