Żewġ uffiċjali tal-ħabs pożittivi għad-droga kokaina

Żewġ uffiċjali tal-ħabs instabu pożittivi għad-droga kokaina mit-testijiet tal-urina li qed isiru fuq uffiċjali tal-ħabs.

Dan l-eżerċizzju huwa parti mill-proċeduri ġodda li ddaħħlu mill-Ministeru biex jitwaqqaf l-abbuż tad-droga fil-ħabs.

Fi stqarrija, il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali jgħid li qed isiru verifikazzjonijiet oħra sabiex din l-informazzjoni tiġi aċċertata.

It-tmexxija tal-ħabs għaddiet l-informazzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jibda l-investigazzjonijiet fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ persuni.

Ftit ġimgħat ilu, il-Ministru Manuel Mallia kien ordna li t-testijiet tal-urina jibdew isiru mhux biss fuq il-priġunieri iżda anke fuq l-impjegati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Ministeru qal  li hu innaċċettabli li persuna tidħol il-ħabs mingħajr il-problema tad-droga u toħroġ mill-ħabs b’din il-problema.