Żewġ toroq se jsiru mill-ġdid minħabba nuqqas ta’ kwalità fl-asfalt

Infrastructure Malta permezz ta’ kitba fuq Facebook ħabbret li x-xogħlijiet li għadhom kif satu fuq il-flyover tal-Marsa-Ħamrun Bypass u fi Vjal il-Blue Grotto, iż-Żurrieq se jerġgħu jsiru mill-ġdid mill-kuntratturi li għamlu dawn ix-xogħlijiet.

L-ispejjeż kollha għal dawn ix-xogħlijiet se jitħallsu mil-kuntratturi stess. Infrastructure Malta ordnat li dawn it-toroq jerġgħu jsiru wara li għamlet it-testijiet ta’ kwalità tal-asfalt u sabet li ma jilħqux l-istandards meħtieġa tar-regolarità ta’ wiċċ it-triq.

Dawn ix-xogħlijiet se jsiru mill-ġdid illejla u t-Tnejn li ġej filgħaxija. Illejla fil-Marsa-Ħamrun Bypass, il-korsiji tan-nofsinhar ta’ fuq il-flyover ta’ din it-triq se jkunu magħluqin mis-7pm sal-5am. It-Tnejn Vjal il-Blue Grotto, parti minn din it-triq bejn iż-Żurrieq u l-Qrendi se tkun magħluqa miż-żewġ naħat, mis-7pm, sal-5am.

Infrastructure Malta appellat biex min ikun għaddej minn dawn l-inħawi isegwi t-tabelli.