Żewġ tfajliet Insara taħt l-età maħtufa fil-Pakistan

Nisa jitolbu fil-Kattidral ta' Lahore

Samara Munir, tifla ta’ 13-il sena u Neha Pervaiz ta’ 14, żewġ tfajliet Insara, inħatfu mid-djar rispettivi tagħhom minn grupp ta’ Musulmani. Samara kienet imġiegħla tikkonverti għall-Iżlam u tiżżewweġ. Minn meta nħatfet ftit xhur ilu, il-familja ma ratha qatt aktar. It-tfajla l-oħra kienet ftit aktar fortunata, għax wara li kienet stuprata rnexxielha taħrab minn taħt idejn dawk li ħatfuha.

Inċidenti bħal dawn qed iseħħu spiss fil-Pakistan u n-numru tagħhom qed jiżdied.

Samara hi tifla li tħobb il-familja u trid tgħinhom. Tħobb issajjar u tgħin fix-xogħol tad-dar. Skola għamlet biss sat-tielet sena tal-primarja; il-familja taqlagħha u tikolha u allura ma setgħetx tħallsilha l-miżata tal-iskola.

Ġurnata f’Settembru din it-tifla kienet weħidha d-dar. Il-ġenituri kienu x-xogħol u ħutha marru jixtru mis-suq. Xi nies daħlu fid-dar tagħha, ħatfuha, tefgħuha f’karozza u ħarbu biha. Ħuha kien qed jirritorna d-dar u ra karozza titlaq tiġri mill-post. Ipprova jiġri warajha iżda ma leħaqhiex. Il-ġenituri ta’ Samara għamlu rapport lill-pulizija iżda dawn insistew li t-tifla ma nsterqitx imma ħarbet mid-dar u qalu lill-ġenturi biex ma joqogħdux jagħmlu xenati.

Imġiegħla tiżżewweġ

Wara xi ġimgħat il-familja saret taf li t-tifla kienet qalbet għall-Iżlam u mġiegħla tiżżewweġ. Fiċ-ċertifikat taż-żwieġ jidher li għandha 19-il sena meta fil-fatt għandha biss 13. Il-Pulizija ordnat lill-ġenituri tagħha biex ma jibqgħux imorru jagħmlu rapport dwar in-nuqqas tagħha għax inkella oħtha, Arooj, jiġrilha l-istess.

Madankollu l-familja ma qatgħetx qalbha. Iddejnu 40,000 rupee ($260) biex ikunu jistgħu jħallsu lill-pulizija meta jmorru jagħmlu xi rapport dwar Samara, bit-tama li l-pulizija jagmlu xi ħaġa. Biegħu wkoll il-magna tal-ħasil u t-telefown biex ikollhom aktar flus. Kull sold li kellhom nefquh fit-tfittxija għat-tifla, iżda kien kollu għalxejn.

Oħtha Arooj qalet li “Ħajti mhix waħda faċli. Lil oħti ħassejtha wisq. La qed nieklu u lanqas norqdu sew. Jien ma mmurx skola għax il-ġenituri ma jistgħux iħallsuli. Imma naf li Alla ma nesinix. Ġesù miegħi. Dejjem inġorr kuruna tar-rużarju fuqi u nitlob lill-Madonna biex tkompli tħarisna.”

Għalina dawn l-inħawi ma joffrux sigurtà. Sħabi Musulmani jittrattawni sew imma ommijiethom ma jħobbunix. Jaħsbu li jien mhux pura; jien nista’ nuża biss ċertu tip ta’ platti u tazzi u mhux kollha. Inħobb lil pajjiż, imma rrid ngħix f’pajjiż li jirrispetta lil kulħadd. Nitlob lill-mexxejja tad-dinja biex jaħdmu ħalli aħna jkollna s-sigurtà u l-paċi. In-nies qed jinsew x’inhi ħniena”.

It-tfajla l-oħra, Neha Pervaiz li rnexxielha taħrab lil min ħatafha wara li kienet stuprata qalet li hi tfajla normali. Tħobb tpinġi, ittellaq u tħobb tilgħab mal-akbar ħabiba tagħha u mat-tliet ħutha iżgħar minnha.

Nuqqas ta’ sigurtà

“Ziti li kont neħdilha ħsieb it-tfal u naħsilhom, ħalliet li jaħtfuni u nkun stuprata. Waqt li konna fid-dar tagħha, jien u ħija konna msakkra fi kmamar differenti u msawta. Raġel jismu Imran stuprani u ġiegħilni naqra l-Koran. Għall-ewwel irrifjutajt imma għax għamilt hekk bdew isawtu aktar lil ħija. Imbagħad ċedejt biex ma jsawtuhx.

“Għal sebat ijiem, żammewni fid-dar ta’ Imram kontra r-rieda tiegħi sakemm waħda minn uliedu ħelsitni. Waħda minn ulied iz-zija laqgħatni għandha u ħbietni. Silfitni ftit flus biex stajt nirritorna lejn id-dar. Iżda l-ġenituri ma emmnunix meta għidtilhom minn xiex kont għaddejt.

“Għalhekk issa qed ngħix f’post tal-parroċċa. Iżda ma nħossnix sigura. Ma nistax immur fejn irrid waħdi għax nibża’ li nerġa’ nkun attakkata. Ma nistax nitlob bil-libertà. Ma għandi ebda sigurtà jew protezzjoni legali, imma ma nixtieqx nitlaq minn pajjiżi. Din dari. Irrid nistudja l-liġi biex inkun nista’ niddefendi u nipproteġi lil tfajliet oħra biex ma jgħaddux minn dak li ġara lili. Nittama li l-mexxejja tad-dinja jappoġġjaw liġijiet li jiggarantixxu s-sigurtà tan-nisa u ma jħallux li jsiru konverżjonijiet u żwiġijiet sfurzati.

“Alla pproteġieni u rnexxieli naħrab. Kull fejn immur dejjem inġorr salib u dan nagħmlu bi kburija”, temmet tgħid Neha Pervaiz lil Aid to Church in Need.