Żewġ terzi tal-kumpaniji żgħar ma ħarrġux lill-ħaddiema fl-aħħar 5 snin

Żewġ terzi tan-negozji żgħar f’Malta ma pprovdewx taħriġ lill-ħaddiema tagħhom fl-aħħar ħames snin, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).
Ir-rapport Continuing Vocational Training Survey 2015, iħares lejn 1,926 intrapriża żgħira f’Malta fl-2015, jiġifieri negozju li jħaddem minn għaxra sa 49 ħaddiem.
Is-sondaġġ, ippubblikat dis-sena, sar is-sena l-oħra b’informazzjoni tal-2015.
Fost l-oħrajn, fl-2015 kien hemm 1,187 kumpanija li pprovdiet xi tip ta’ taħriġ lill-ħaddiema tagħha, iżda 739 li m’għamlux dan, jiġifieri kważi 40% tal-kumpaniji.
Ir-raġunijiet ewlenin kienu varji, iżda l-aktar popolari kienet li l-ħaddiema eżistenti ma kellhomx bżonn taħriġ għax kienu diġà kkwalifikati, imbagħad kien hemm 60% li qalu li jiprpeferu jdaħħlu nies ġodda milli jipprovdu t-taħriġ lill-ħaddiema li diġà impjegati magħhom.
Oħrajn irrimarkaw li l-kumpanija ma ssibx ċans tħarreġ lill-ħaddiema, filwaqt li negozji oħra lmentaw mill-ispejjeż tal-korsijiet ta’ taħriġ.
Sadanittant, mill-kumpaniji l-oħra li taw xi forma ta’ taħriġ, aktar min-nofs qalu li ma jaraw ebda xkiel biex jagħtuh, u oħrajn qalu li l-ħin u x-xogħol l-aktar li jxekkilhom meta jkunu jridu jħarrġu lill-ħaddiema.
Is-sondaġġ irid isir bilfors kull 5 snin, skont regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar il-kumpaniji żgħar.
Dawn huma wħud mis-sejbiet ewlenin l-oħra:

  • Kważi 39,000 ħaddiem kellu xi taħriġ vokazzjonali tal-inqas darba fl-2015
  • Intużaw madwar 1.5 miljun siegħa ta' xogħol għal korsijiet ta' taħriġ, li l-biċċa l-kbira minnhom saru internament fil-kumpanija
  • It-taħriġ ġie jiswa lil kull kumpanija medja ta' €636 għal kull ħaddiem, u l-kumpanija tilfet medja ta' €522 meta l-ħaddiem ma kienx fuq il-post tax-xogħol
  • Jiġifieri b'kollox it-taħriġ ħie jiswa medja ta' €1,158 fi spejjeż diretti jew indiretti

Aqra r-rapport sħiħ bl-Ingliż minn hawn taħt.
Ritratt: Ian Noel Pace