Read in English.
Il-Gvern Franċiż ħabbar curfew għal madwar żewġ terzi tal-popolazzjoni. B’din il-curfew se jkunu affettwati madwar 46 miljun persuna għal sitt ġimgħat. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li f’ġurnata rriżultaw pożittivi għall-COVID-19, 41,622 persuna.
Fi Franza, it-total ta’ persuni infettati bil-coronavirus issa qabeż il-mijun persuna. Iż-żewġ pajjiżi oħra li laħqu l-miljun persuna infettati huma Spanja u r-Russja.
Il-ġimgħa l-oħra l-curfew fi Franza ġiet introdotta f’Pariġi u tmint ibliet oħra. Ma’ dawn issa żdiedu 38 belt oħra li se jkollhom curfew bejn 9pm u s-6am. Il-Prim Ministru Franċiż Jean Castex qal li r-rata ta’ infezzjonijiet laħqet il-251 persuna minn 100,000 fl-aħħar ġimgħa.
L-Islovakkja se tkun qed timponi lockdown parzjali. Dan se jkun jinkludi li l-ivjaġġar se jkun permess biss minħabba xogħol, xiri ta’ affarijiet essenzjali u skejjel.
Ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika tal-Irlanda introduċew lock down. Fil-Belġju, Spanja u l-Italja hemm rata għolja ta’ infezzjonijiet u l-isptarijiet jinsabu taħt pressjoni għolja.
F’Malta llum ġew irreġistrati 121 persuna pożittivi għall-Covid-19 u fiequ 55.