Żewġ terremoti qawwija fi Sqallija u New Zealand

Għall-Isqallin, il-lejl li għadda kien lejl tal-biża hekk kif fil-belt ta’ Messina, tliet minuta wara l-ħdax ta’ filgħaxija, inħassew żewġ theżżiżiet ta’ terremot. 

Skont l-iskala Richter, l-ewwel theżżiża kienet ta’ 4.6 gradi u l-oħra ta’ 4.3 gradi.  It-terremot inħass sew kemm minn Reggio Calabria kif ukoll minn fuq l-Etna f’Katanja.

L-epiċentru tat-terremot kien bejn iż-żoni ta’ Patti u Gioiosa Marea, fil-provinċja ta’ Messina, eżattament quddiem il-gżejjer Eolie.

Matul il-lejl, ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili bdew iduru biex jaraw jekk kienx hemm inċidenti iżda ma ġew irrappurtati ebda danni kbar.

Terremot aktar qawwi nħass fi New Zealand, għall-ħabta tal-erba’ u nofs ta’ dalgħodu,ħin ta’ Malta.  It-terremot kellu qawwa ta’ sitta punt ħamsa, fond aktar minn għaxar kilometri u l-epiċentru kien 94 kilometru fix-xlokk tal-kapitali Wellington. 

Jidher li ma kien hemm ebda allarm ta’ tsunami.