​Żewġ telfiet għat-timijiet nazzjonali

Logħba qalbenija għat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena li kellhom mat-tim nazzjonali Żvediż, fl-Istadjum Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Il-Maltin tilfu 2-1 imma ddefendew tajjeb u kellhom diversi ċansijiet ta’ skor.
Din il-partita kienet valida minn Grupp 7 ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew 2015.
Wara biss 10 minuti, Malta fil-vantaġġ meta wara żball ta’ Helander, Ryan Scicluna baqa’ dieħel fil-kaxxa u għeleb għal kollox lil gowlkiper Żvediż.
Fit-28 minuta l-Iżvediżi ġabu d-dro meta minn korner tal-captain Milosevic il-ballun qabeż bi ftit il-linja fost il-protesti tal-plejers Maltin.
Għaxar minuti wara kellna salvataġġ mill-aqwa tal-gowlkiper Malti Jurgen Borg fuq tentattiv ta’ Guidetti.
L-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima rat lil gowlkiper Żvediż Stromberg isalva ċans tajjeb ta’ Jean Paul Farrugia.
Fid-69 minuta l-Iżvediżi marru fil-vantaġġ bi ġmiel ta’ gowl, meta minn frikik Guidetti għeleb għal kollox lil gowlkiper Borg.
Intant minn ġewwa Durres fl-Albanija, f’logħba ta’ ħbiberija, it-tim nazzjonali Malti tal-kbar ġie megħlub mill-Albanija bl-iskor ta’ 2-0.
Ir-rebħa Albaniża ġiet b’gowl f’kull taqsima.
Migjen Basha fetaħ l-iskor fil-25 minuta u Alben Meha fit-52 minuta ssiġilla l-iskor finali għal 2-0.
Fl-ewwel kummenti li ta l-kowċ tat-tim nazzjonali Malti, Ghedin kien sodisfatt bil-wirja tat-tim għax lagħbna tajjeb f’diversi ħinijiet.