Żewġ speċi ġodda ta’ bram fi xtut Maltin

Żewġ speċi ġodda ta’ bram instabu fl-ibħra Maltin fil-ġimgħat li għaddew.

Wara li nstabet il-compass jellyfish fil-Bajja tar-Ramla fit-tmiem il-ġimgħa li għaddiet, instabu żewġ speċi ġodda mit-Tim Spot the Jellyfish.

Discomedusa lobata nstabet f’Tas-Sliema u Neotima lucullana f’Qalet Marku. Iż-żewġt ibram ġew imniżżla bħala speċi waħedhom.

Skont l-ambjentalista Dr Alan Deidun, m’hemmx ħafna informazzjoni dwar iż-żewġ tipi ta’ bram, iżda huwa maħsub li t-tnejn kapaċi jħallu tingiża li tweġġa.

F’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm ukoll numru kbir ta’ bram qrid il-kosta ta’ Sqallija u Puglia fl-Italja. Għal xi raġuni, ftit bram individwali waslu fi xtut Maltin.