Żewġ skemi ġodda biex negozji imexxu l-operat għal Għawdex

MGOZ

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda żewġ skemi ġodda biex jinkoraġġixxi l-ħolqien ta’ aktar impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex.

Fi stqarrija kien spjegat li ż-żewġ skemi huma dawk tal-Gozo Back Office Scheme u l-Gozo Business Relocation Scheme.

Camilleri spjega li l-għan tal-Gozo Back Office Employment Refund Scheme huwa li jinkoraġġixxu entitajiet private biex jistabbilixxu u jiġġeneraw xogħol ta’ back office f’Għawdex. B’hekk, ikunu qed jinħolqu aktar impjiegi ta’ kwalità f’Għawdex. Camilleri ħabbar li kull kumpanija tista’ tibbenefika sa massimu ta’ €35,000 fis-sena minn din l-iskema, fejn jingħata rimborż parzjali tas-salarju sa massimu ta’ €8,700 għal kull impjegat fuq medda ta’ 3 snin, skont il-paga tal-impjegat.

Spjega li biex il-kumpanija tkun eliġibbli għar-rimborż taħt din l-iskema, l-impjegati jridu jkunu biss f’Għawdex u sabiex tkun grantita s-sostenibbiltà tal-impjiegi, il-kuntratti tax-xogħol mogħtija għandu jkollhom perjodu minimu ta’ 3 snin.

Qal li l-ewwel rimborż tas-salarju jiġi evalwat eżattament wara l-ewwel sena tal-ħaddiem irreġistrat taħt din l-iskema. Kumpaniji interessati għandhom sal-31 ta’ Diċembru 2020 sabiex japplikaw, filwaqt li dan ikopri xogħol ta’ Back Office f’Għawdex li ma jkunx beda qabel 1 ta’ Jannar 2020. Impjegati li kienu diġà ingaġġati qabel l-1 ta’ Jannar 2020 huma eliġibbli, sakemm dawn ma kinux diġà qed jaħdmu f’Għawdex.

Intant, il-Ministru Camilleri tkellem ukoll dwar il-Gozo Business Relocation Scheme. Hu spjega li l-għan ta’ din l-iskema huwa li jinkoraġġixxu entitajiet privati jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Għawdex permezz ta’ rilokazzjoni tal-operat tagħhom.

Ir-rilokazzjonijiet eliġibbli taħt din l-iskema huma tlieta:

  • Rilokazzjoni fis-sħiħ tal-operat
  • Rilokazzjoni ta’ sezzjoni/jiet jew dipartiment/i mill-operat
  • Rilokazzjoni ta’ estensjoni tal-operat

Qal li l-iskema toffri żewġ tipi ta’ għajnuniet finanzjarji: refużjoni, skont in-numru ta’ impjegati proposti, għall-ispejjeż tar-rilokazzjoni, sa massimu ta’ €3,750; u pakkett finanzjarju sabiex iservi bħala sapport inizjali fejn se tkun offruta s-somma ta’ €1,000 għal kull impjegat elenkat fil-pjan ta’ rilokazzjoni tan-negozju, sa massimu ta’ €40,000.

Intant, fl-istqarrija kien spjegat kif kumpaniji li jibbenifikaw minn din l-iskema, ikunu intitolati li jibbenifikaw minn skemi oħrajn ta’ għajnuna mogħtija mill-Ministeru għal Għawdex, dment li ma jirreferux għall-istess impjegat. Sabiex kumpanija tkun eliġibbli biex tibbenefika mill-iskema, fil-pjan ta’ rilokazzjoni, il-benefiċjarju jrid jelenka n-numru ta’ ħaddiema li se jkun qed iħaddem filwaqt li l-minimu huwa ta’ 10 impjegati. Minkejja dan, se jkun hemm fattur ta’ flessibilità fl-għadd minimu ta’ ħaddiema skont l-entità u t-tip ta’ investiment propost. Hawn il-minimu ta’ impjegati jista’ jinżel sa minimu ta’ 5 impjegati.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm jgħid li l-impjegati rreġistrati sabiex iwasslu għal għotja finanzjarja jridu jkunu offruti kuntratt ta’ minimu ta’ 3 snin filwaqt li jridu jkunu residenti f’Għawdex. Kumpaniji interessati għandhom japplikaw u jissottomettu l-pjan tar-rilokazzjoni tal-operat tagħhom fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għal Għawdex.