Żewġ Sindki jaqsmu l-leġislatura tal-Kunsill taż-Żebbuġ

Żewġ Sindki mistennija jmexxu l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ, Għawdex f’din il-leġislatura li għadha kemm bdiet, b’Nicky Saliba elett indipendenti jmexxi fl-ewwel nofs tal-leġislatura u Marlene Cini, eletta f’isem il-Partit Laburista, tmexxi t-tieni nofs tal-leġislatura. Marlene Cini se sservi bħala Viċi Sindku fl-ewwel nofs tal-legiżlatura, filwaqt li Sandra Grech se sservi bħala Viċi Sindku fit-tieni nofs tal-leġiżlatura.

Fl-elezzjoni ta’ Mejju li għadda, il-Partit Nazzjonalista ġab l-akbar ammont ta’ voti iżda d-deċiżjoni dwar is-Sindakat se ssir fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill il-ġdid nhar it-Tnejn li ġej. Il-kunsill elett huwa kompost minn żewġ kunsillieri f’isem il-Partit Laburista, żewġ kunsillieri f’isem il-Partit Nazzjonalista u kunsillier indipendenti.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-kunsillieri eletti f’isem il-Partit Laburista u l-kunsillier indipendenti waslu fi ftehim dwar pjan ta’ ħidma għal din il-leġiżlatura. Il-PL qal li l-ftehim se jwassal biex matul il-ħames snin li ġejjien ikun implimentat il-manifest elettorali tal-Partit Laburista.

L-istqarrija tal-Partit Laburista ttemm tgħid li “dan il-ftehim qed ikun imħabbar f’din l-istqarrija għall-benefiċċju tar-residenti u għall-fini ta’ trasparenza. Dan b’mod li tingħata ċ-ċertezza neċessarja għall-Kunsill Lokali biex jopera b’mod adekwat”.

“Inġustizzja mar-residenti” – Kunsillier tal-PN

Il-Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żebbuġ Daniel Cordina qal li b’dan l-arranġament bejn il-PL u l-kandidat indipendenti saret inġustizzja mar-residenti. Fuq Facebook huwa kiteb li kien lest iċedi li ma jkunx Viċi Sindku biex jara li s-Sindku tkun Marlene Cini tul il-leġislatura sħiħa bil-Viċi Sindku jkun il-Kunsillier l-ieħor tal-Partit Nazzjonalista Baskal Saliba.

Il-POTER MHUX KOLLOX.Irrid nibda billi nirringrazja lil dawk kollha li urew solidarjeta mieghi u grazzi tal-appogg…

Posted by Daniel Cordina on Tuesday, June 25, 2019