Żewġ serqiet fl-istess triq f’Ta’ Xbiex

Photo: Archives

Il-Pulizija bħalissa qed tinvestiga żewġ serqiet li seħħew fl-istess triq, f’temp ta’ ftit minuti.

Għall-ħabta tat-7.50am, il-Pulizija ġiet infurmata b’serqa minn ħanut fi Triq Abate Rigord. Raġel mgħammad u armat b’arma bil-ponta u li taqta’ daħal ġol-istabbiliment u talab lill-kaxxiera għall-flus. Din kienet mara ta’ 43 sena residenti l-Belt Valletta. Ir-raġel ħarab minn fuq il-post b’ammont ta’ flus kontanti. Fil-ħin tas-serqa kien hemm xi persuni oħra iżda ħadd ma weġġa’.

Intant għall-ħabta tad-9am, mara ta’ 35 sena residenti Raħal Ġdid għamlet rapport fl-għassa tal-Imsida. Hi qalet li waqt li kienet miexja fl-istess triq għall-ħabta tas-7.30am, waqqfuha żewġt irġiel mgħammdin u ppruvaw jisirqulha l-basket. Il-Pulizija qalet li l-vittma bdiet tgħajjat għall-għajnuna hekk kif wieħed mill-aggressuri beda jtiha f’wiċċha. Intant, persuna li kienet fil-viċinanzi kienet strumentali biex l-aggressuri ħarbu minn fuq il-post wara li din marret tgħin lill-vittma. Jidher li xejn ma nsteraq. Il-vittma marret għall-kura fiċ-Ċentru tas-Saħħa għall-ġrieħi li sofriet f’wiċċha.

L-investigazzjonijiet dwar dawn iż-żewġ serqiet għadhom għaddejjin. Il-Pulizija għaddejja b’ħidma biex jinstabu l-ħallelin.