Żewġ rappreżentanti nisa għall-PN fuq il-kumitat għat-Tisħiħ tad-demokrazija

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ħatar lil Graziella Attard Previ u lil Alessia Psaila Zammit fuq il-Kumitat Tekniku għat-Tisħiħ tad-Demokrazija li fost il-ħidma tiegħu hemm il-proposti għar-rappreżentanza ugwali fil-Parlament.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni hija mpenjata li tipparteċipa fit-tisħiħ tad-demokrazija u l-ugwaljanza f’pajjiżna. Hu żied li l-Oppożizzjoni pparteċipat fil-konsultazzjoni pubblika dwar l-proposti għal rappreżentanza aktar ugwali fil-Parlament u se tibqa’ tikkontribwixxi fil-kumitat tekniku biż-żewġ rappreżentanti nisa, kif ukoll f’kull inizjattiva oħra.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ż-żewġ nisa maħtura mill-Oppożizzjoni għandhom l-esperjenza professjonali u tal-ħajja pubblika u politika biex jagħtu kontribut siewi f’isem l-Oppożizzjoni għar-riformi meħtieġa.