Żewġ proposti għall-vittmi bla dar fi Gwardamangia

Waħda mill-vittmi tgħid li ż-żewġ proposti “huma tajbin ħafna”

Miguela Xuereb

Is-sitt familji li kienu joqogħdu fi blokka appartamenti fi Gwardamangia ġew mogħtija żewġ proposti biex ma jibqgħux iktar bla saqaf fuq rashom.

Dan qalitu Janet Walker fuq Facebook li hija waħda mill-14-il residenti tal-blokka li fit-13 ta’ Ġunju li għadda ġarrbet ħsarat kawża ta’ xogħol ta’ kostruzzjoni biswit il-blokka tagħhom. ingħajr ma daħlet fid-dettall tal-proposti, hija stqarret li t-tnejn li “huma tajbin ħafna”.

Fil-ġimgħat li għaddew, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-vittmi u fuq Facebook Janet Walker qalet li mhux talli sema’ l-karba tagħna talli daħal medjatur għalihom”. Fissret kif mill-proposti li ġew offruti, hemm proposta partikolari li kieku tiġi magħżula, il-familja tagħha tkun qisha telgħet il-ġenna mill-infern.

Fissret kif irid ikun hemm kunsens bejn il-familji kollha u għalhekk talbet lil Alla jgħinhom għall-aħjar għażla anki jekk ma tkunx dik tagħha.

“Kultant anki waħdek ikollok ċertu disgwid , aħseb u ara meta tkun parti minn familja li tagħmel parti min 6 familji ġo binja waħda. Nitlob għall-għaqda bejnietna għax flimkien irnexxielna naslu ħafna ‘l quddiem, u nitlob għat-talb minn kulħadd b’kuxjenza tajba biex tittieħed l-aħjar u l-iktar għażla għaqlija”, temmet tgħid Janet Walker.

Residenta oħra fl-istess binja qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-permessi joħorġu akkost ta’ ħajjet in-nies, b’ċerta regħba “biex nibnu u ntellgħu u nsiru sinjuri, li ma jistax ikun.”