Żewġ plejers tal-futbol jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija

DOI - Clodagh O'Neill

Id-difensur ta’ Birkirkara F.C. Enrico Pepe u l-midfielder tat-tim Belġjan Royale Union Saint-Gilloise Teddy Teuma, ingħataw iċ-ċittadinanza Maltija.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat saħaq li fl-interess tal-iżvilupp ta’ dan l-isport f’pajjiżna, dawn iż-żewġ plejers se jikkontribwixxu bis-sħiħ bil-potenzjal tagħhom u se jkomplu jsaħħu t-talent lokali eżistenti. Dan bil-għan li pajjiżna jkompli jattira l-aqwa talent internazzjonali.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima sostna li dan kollu qed isir in vista tal-fatt li dawn l-atleti se jkunu qed jirrapreżentaw lil pajjiżna, allura b’mod dirett se jkunu qed jilbsu l-flokk Malti u se jkunu qed jirrapreżentaw lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Dawn iż-żewġ plejers se jkunu eliġibbli sabiex jintgħażlu u jipparteċipaw fit-tim nazzjonali Malti. Id-difensur Enrico Pepe ngħata ċ-Ċittadinanza bil-Mertu hekk kif fil-preżent huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa difensuri li hawn fil-pajjiż u li se jkun qed jgħin bis-sħiħ lit-tim nazzjonali Malti. Huwa kommess ukoll li jagħti kontribut qawwi fl-iżvilupp ta’ plejers żgħażagħ sabiex ikomplu jkabbru l-passjoni tagħhom lejn dan l-isport filwaqt li jissaħħaħ aktar it-talent lokali.

Min-naha l-oħra, il-midfielder professjonali li jilgħab fil-kampjonat tat-Tieni Diviżjoni Belġjan, Teddy Teuma ngħata ċ-ċittadinanza Maltija hekk kif għandu dixxendenza Maltija u għaldaqstant, jikkwalifika awtomatikament għaċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna.

Preżenti għal dan l-avveniment kien hemm is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima u l-President tal-MFA Bjorn Vassallo.