Żewġ pitturi ta’ Preti se jiġu restawrati fil-knisja ta’ Sarrija -DLĦ

L-aħħar żewġ pitturi minn sebgħa tal-pittur Mattia Preti li jinsabu ġewwa l-knisja ta’ Sarrija fil-Furjana se jiġu restawrati. Dan tħabbar mill-għaqda mhux governattiva Din l-Art Ħelwa.

Iż-żewġ pitturi huma l-Apoteożi tal-Ordni u San Mikiel Arkanġlu jgħeleb il-ħażen. L-ewwel pittura għandha l-appoġġ finanzjarju ta’ donatur li xtaq jibqa’ anonimu filwaqt it-tieni pittura qed tkun mgħejjuna finanzjarjament mill-Bank Sparkasse.

Id-Direttur Maniġerjali tal-bank, Paul Mifsud, qal li din hija it-tieni darba li se jkunu qed joffru l-appoġġ tagħhom bħala bank fir-restawrazzjoni tax-xogħol ta’ Preti li jinsab fil-knisja.

Is-sena l-oħra Sparkasse taw fondi biex tiġi restawrata u rranġata il-pittura ta’ San Nikola. Huwa saħaq li din hi parti mill-politika tal-bank biex juru l-appoġġ tagħhom għall-kultura u l-wirt Malti.

Ftit dwar il-Knisja ta’ Sarrija

Il-knisja ilha mill-bidu li ġew il-Kavallieri ta’ San Ġwann f’Malta. Fl-1585, il-Kavallier Martino de Sarria kien bena kappella żgħira li kienet saret mgħarufa bħala Cappella Sarria. Il-kappella reġgħet inbniet mill-Kavallieri 100 sena wara li kienet spiċċat il-pesta tal- 1675-76, u kawża tagħha kienu mietu madwar 8000 persuna.

Il-knisja kienet iddiżinjata minn Lorenzo Gafa filwaqt li l-Gran Mastru Nicolas Cottoner kien qabbad lil Mattia Preti jipprovdi seba’ pitturi biex isebbħu l-knisja.Il-Knisja tinsab f’idejn l-kommunità Ġiżwita f’Malta, b’qassis Lino Spiteri bħala kuratur u ukoll qed jagħmel superviżjoni tax-xogħol li qed jsir fuq ġewwa l-knisja.

Kull min jixtieq jgħin billi jagħti donazzjoni li se tintuża għad-dawl li se jitpoġġa apposta fil-knisja, jista’ jagħmel kuntatt ma’ Din l-Art Ħelwa.