Aġġornata: Sewwieq ferut gravi f’ħabta head-on f’Birżebbuġa

Sewwieq ta’ karozza weġġa’ gravi wara li ħabat f’karozza oħra f’Birżebbuġa. Għall-ħabta tas-6.30am ta’ dalgħodu seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Għar Dalam, f’Birżebbuġa.

Il-każ ġie kkonfermat mill-Pulizija li fi stqarrija qalu li l-ħabta seħħet bejn żewġ karozzi, waħda misjuqa minn Ingliż ta’ 49 sena u l-oħra misjuqa minn raġel ta’ 28 sena mill-Eritrea u residenti Birżebbuġia. Il-ħabta kienet deskritta bħala head-on.

Ir-raġel Ingliż ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li miegħu kellu passiġġier żgħażugħ ta’ 22 sena mis-Surinam li weġġa’ ħafif.

Fuq il-post marru ssejjħu l-Pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili, li kellhom jaqilgħu l-pilastru biex joħorġu lix-xufier Ingliż. Għal xi ħin, it-triq kienet magħluqa għat-traffiku.