Aġġornata: Tarcisio Mifsud u Alfred Mallia jitressqu l-Qorti b’rabta mal-iskandlu tax-xiri taż-żejt

B’rabta mal-iskandlu tal-kummissjonijiet illegali għax-xiri taż-żejt, l-eks Kap Finanzjarju tal-Enemalta Tarcisio Mifsud u eks membru tal-kumitat tax-xiri taż-żejt Alfred Mallia qed jaffaċjaw akkużi ta’ tixħim, korruzzjoni u anke li b’mod illegali ħadu l-kumissjonijiet.

L-ispettur tal-Pulizija Angelo Gafà qal li Alfred Mallia, ta’ 68 sena minn Ħal Qormi, kien arrestat u interrogat ilbieraħ.

L-avukat difensur ta’ Mallia talab għal-libertà proviżorja imma l-Ispettur Gafà oġġezjona minħabba l-gravità tal-akkużi. Il-Prosekuzzjoni talbet għall-iffriżar tal-assi tiegħu, u l-Qorti aċċettat.

Anke minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħtu, Mallia ingħata l-libertà proviżjorja fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €30,000.

Fil-qorti nstema’ kif l-eks Direttur Finanzjarju tal-Enemalta Tarcisio Mifsud, ta’ 68 sena wkoll minn Ħaż-Żebbuġ, hedded lill-membru tal-bord Alfred Mallia. Dan allegatament seħħ waqt konfrontazzjoni fil-Depot tal-Pulizija. Bħal Mallia, il-Manġistrat Miriam Hayman iddeċidiet li Tarcisio Mifsud għandu jingħata l-libertà proviżjorja fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €30,000.

Fil-jiem li għaddew, il-Pulizija tellgħet il-Qorti erba’ persuni oħra b’rabt ma’ dan il-Każ: lin-negozjant Tony Cassar tal-kumpanija Cassar Ship Repair, lid-direttur maniġerjali ta’ Virtu Ferries Francis Portelli, lill-eks Chairman tal-Enemalta Tancred tabone u lill-konsulent tal-korporazzjoni, Frank Sammut.