Tfittxija għal persuna ta’ 29 sena fl-Aħrax tal-Mellieħa

Read in English.

Il-Forzi Armati ta’ Malta għaddejjin bit-tfittxija permezz tal-ħelikopter u dagħjsa tagħhom fl-ħrax tal-Mellieħa biex isibu raġel ta’ 29 sena li kien f’diffikultà wara li qabeż jgħum.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-ħidma ilha għaddejja mill-4.30pm hekk kif il-Pulizija rċeviet rapport li żewġ persuni kienu f’diffikultà.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li żewġ persuni mill-Bangladesh kienu qed jgħumu u sabu ruħhom f’diffikultà. Il-persuna ta’ 21 sena ttella’ mill-baħar u ttieħed l-Isptar Mater Dei għal kura filwaqt li l-persuna l-oħra għadha mfittxija.

Ir-rapport daħal fl-4.30pm u immedjatament bdiet ħidma kemm mill-Pulizija kif ukoll mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex itellgħu lil dawn iż-żewġ persuni mill-Baħar.