Aġġornata (2): Iwieġbu mhux ħatja s-suldati akkużati bil-qtil f’Ħal Far

Read in English.

11:53 Is-seduta tal-lum tintemm.

11:52 L-akkużati jwieġbu li mhumiex ħatja. Id-difiża ma tagħmel l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.

11:48 Il-Maġistrat tgħid ukoll li wieħed mill-akkużati qed jiġi akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu bħala parti minn libertà kundizzjonata.

11:45 Il-Maġistrat tgħid li ż-żewġ żgħażagħ qed jiġu akkużati wkoll li qatlu qtates u għasafar.

11:43 Il-Maġistrat tgħid li l-akkuża ġġorr piena ta’ għomor il-ħabs. Qrat li l-akkuża hi li d-delitt kien motivat b’mibgħeda kontra persuna fuq bażi tal-kulur tagħha.

11:40 Id-difiża tgħid li mhux qed tikkontesta l-arrest. Il-prosekuzzjoni tgħid li l-akkużati ġew arrestati minħabba s-suspett li qatlu lil Lassana Cisse. Qed jiġu akkużati wkoll b’attentat ta’ qtil ta’ żewġ persuni oħra.

11:36 L-akkużati jidħlu fl-awla.

Żewġ persuni mistennija jittressqu l-Qorti b’rabta mal-qtil ta’ Lassana Cisse Souleymane u l-feriment ta’ tnejn oħra. It-tnejn li huma kienu suldati mal-Forzi Armati ta’ Malta. Wieħed għandu 22 sena u joqgħod Raħal Ġdid filwaqt li l-ieħor għandu 21 sena u joqgħod Wied il-Għajn.

Qed jiġu akkużati li għamlu użu minn Toyota Starlet mingħajr numri ta’ reġistrazzjoni fuq quddiem u wara kif suppost. Il-Qorti ntlabet tqis li r-reati tewttqu minn uffiċjali pubbliċi li kellhom jissorveljaw biex dawn ma jsirux.

Huma se jidhru quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli għall-ħabta tal-10.30am.

Huma se jiġu akkużati b’omiċidju volontarju, feriment ta’ persuni, u akkużi oħra.

Qabel, deher raġel quddiem l-istess maġistrat akkużat b’pussess tad-droga u ta’ arma tan-nar. Skont il-prosekuzzjoni dan ikkoopera bi sħiħ mal-pulizija. Il-Qorti ordnat divjet fuq ismu. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Ir-raġel ġie arrestat waqt l-investigazzjonijiet li kienu qed isiru b’rabta mal-qtil ta’ Lassana Cisse tas-6 ta’ April. Madanakollu jidher li ma kellux konnessjoni mal-każ.

Mhux każ iżolat – NGOs

Fi stqarrija, 60 għaqda non-governattiva qalu li peress li ż-żewġ persuni akkużati bid-delitt huma membri tal-AFM li suppost kellhom jipproteġu n-nies allura l-każ huwa agħar.

Qalu li għalkemm ikun hemm it-tentazzjoni li wieħed jgħid li r-reat seħħ għall-għarrieda, l-għaqdiet qalu dan dan mhuwiex il-każ.

Fi kliem l-għaqdiet ta’ kuljum ikun hemm każijiet fejn in-nies ma jiġux trattati ta’ persuni umani minn individwi u istituzzjonijiet minħabba r-reliġjon jew il-kulur tal-ġilda tagħhom.

Qalu li l-esperjenzi ta’ kuljum li jgħaddu minnhom l-immigranti ġew injorati ż-żejjed u li n-nies baqgħu jħaddnu t-twemmin żbaljat li inċidenti razzisti huma rari u iżolati f’Malta.

“Dan l-att, li espona r-realtà kerha tar-razziżmu f’Malta, għandu jservi bħala sinjal ta’ allarm u ta’ tfakkira ta’ kemm ir-razziżmu jista’ jkun distruttiv jekk jitħalla jikber, ma jiġix rikonoxxut, u ma jiġix indirizzat.”

L-għaqdiet qalu li għalkemm il-ħidma tal-Pulizija biex jinqabdu l-akkużati hija ta’ min ifaħħarha irid isir ħafna aktar jekk Malta tixtieq tegħleb ir-razziżmu.