Filmat: Żewġ nisa u tarbija jitħallew imutu mil-Libjani

Oscar Camps il-fundatur tal-organizazzjoni mhux governattiva li taħdem fil-qasam tat-tfittxija u salvataġġ ippubblika ritratti xokanti fuq Twitter li juru mara u tarbija mejta. Camps qal li malli waslu sabu mara għadha ħajja filwaqt li sabu mara u tifel li probabilment mietu ftit qabel.

Camps qal li Gwardja tal-Kosta Libjana interċettat dgħajsa b’158 persuna fuqha u provdiet l-assistanza medika. Camps qal li dak li ma qalux il-Gwardja tal-Kosta Libjana huwa li żewġ nisa u tifel tħallew fuq id-dgħajsa biex jgħerqu meta dawn ma riedux jmorru mad-dgħajsa Libjana.

Iktar kmieni il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini qal li l-bastiment tal-Proactiva Open Arms mhux se jitħalla jittrakka fil-portijiet Taljani meta jsalva l-immigranti mill-għarqa fil-Mediterran Ċentrali, skont rapport li deher fil-gazzetta El Periodico.

Skont tweet tal-ġurnalista Annalissa Camilli qalet li l-bastiment tal-Open Arms interċetta l-fdalijiet ta’ dgħajsa 80 mil il-bogħod mil-Libja.

F’Malta bħalissa hawn żewġ bastimenti maqbuda fil-portijiet, il-bastiment Sea Watch Vessel 3 u Seefuchs, tal-għaqdiet SeaWatch u Sea-Eye rispettivament ma tħallewx issalpaw minn Malta. L-ajruplan Moonbird tas-SeaWatch ukoll ma tħalliex jitajjar minn Malta. Il-bastiment tal-Mission Lifeline, l-MV Lifeline qed jinżamm mill-awtoritajiet b’rabta mal-każ kontra l-kaptan, Claus-Peter Reisch, tal-istess bastiment. Sea-Watch, Sea-Eye u Mission Lifeline huwa għaqdiet mhux governattivi oħra li jaħdmu fit-tfittxija u salvataġġ. Meta Newsbook.com.mt staqsa dwar liema liġi qed tiġi miksura mill-bastimenti tal-għaqdiet SeaWatch u Sea-Eye lil Transport Malta, dawn ma speċifikawx.