Żewġ nisa maqtula mgħaffġa fl-2004: Meta se jkompli l-każ?

Read in English.

Mir-risposti li Newsbook.com.mt irċieva mill-Ministeru għall-Ġustizzja jidher li għad ma hemmx data meta se jkompli l-appell fil-każ ta’ żewġt irġiel misjuba ħatja li bi traskuraġni tagħhom żewġ nisa nqatlu mgħaffġa f’San Pawl il-Baħar fl-2004.

Kien fit-3 ta’ Ġunju 2004, kmieni wara nofsinhar, meta Mary Zarb ta’ 60 sena u Nadya Vavilova, żagħżugħa Russa ta’ 24 sena, inqatlu mgħaffġa. Zarb kienet qed tagħti lezzjoni tal-Malti lil Vavilova. Il-lezzjoni ntemmet ħesrem u ħajjithom inħasdet bla ħniena meta ġġarfet id-dar ta’ Zarb minħabba li x-xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qed isir ħdejha ma kienx qed isir kif suppost.

Fid-dawl tat-traġedja li seħħet fil-Ħamrun it-Tnejn li għadda, sar aktar urġenti li l-każ ta’ San Pawl il-Baħar, li seħħ 16-il sena ilu jkun konkluż. Huwa importanti wkoll li l-qraba tal-persuna maqtula mgħaffġa fil-Ħamrun, ma jgħaddux mill-istess kalvarju li għaddew minnu l-qraba tal-vittmi f’San Pawl il-Baħar, mill-Qrati Maltin.

L-Avukat Ġenerali issa għamel rikors

Il-Ministeru infurmana li “ġie ppreżentat rikors mill-Avukat Ġenerali biex il-kawża kriminali tiġi appuntata mill-ġdid. Ir-rikors qiegħed quddiem il-Qorti biex issir is-surroga u jiġi assenjat quddiem ġudikant u l-appell kriminali jiġi riappuntat għas-smigħ u kontinwazzjoni”.

Il-Ministeru iżda la nfurmana dwar meta l-Avukat Ġenerali għamel it-talba u lanqas meta mistenni li tkun milqugħha.

Newsbook.com.mt kien ilu minn Settembru  2019 jipprova jġib risposta mingħand Frank Mercieca (il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti) u lill-Avukat Ġenerali Peter Grech biex jgħidulna meta se jkompli l-appell kriminali dwar il-każ. Kien fl-2010 meta dan l-appell kien diferit għal data li ma kinitx ġiet iffissata.

Waqt li la Mercieca u lanqas Grech ma wieġbu, il-Ministeru tal-Ġustizzja wieġeb mill-ewwel għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt.

“Il-Qrati għandhom il-mezzi biex jikkonkludu”

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal lil Newsbook.com.mt li l-Gvern huwa impenjat li jimmodernizza l-qrati. Huwa żied jgħid li l-Gvern madanakollu mhux se jindaħal fil-proċeduri tal-Qorti waqt li assigurana li l-qrati għandhom dak kollu meħtieġ biex jikkonkludu l-każ fi żmien raġonevoli.

Huwa kompla jgħid li d-dewmien mhux aċċettabbli u li l-Gvern qed jaħdem biex jidentifika u jsolvi l-problema tad-dewmien darba għal dejjem.

Dewmien tal-mistħija

2004: Isseħħ it-traġedja.

2009: L-ewwel każ inqata’ fl-2009. Il-kuntrattur Pawlu Demicoli minn Birkirkara kien ikkundannat tliet snin ħabs waqt li l-impjegat Kevin Bonnici, minn Birzebbuġa kien ikkundannat għal 18-il xahar ħabs mill-Maġistrat (dak iż-żmien) Consuelo Scerri-Herrera. Hija sabithom ħatja li kien hemm traskuraġni fix-xogħol u li minħabba din it-traskuraġni saret id-diżgrazzja.

2010: Jibda l-appell quddiem l-Imħallef Joseph Galea Debono. L-akkużati fil-frattemp ressqu fil-Prim Awla Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) appell mis-sentenza fuq teknikalità. Għalhekk fis-Seduta tal-4 ta’ Frar 2010 l-Imħallef Galea Debono laqa’ t-talba tal-akkużati biex jipposponi s-smigħ sakemm jinqatgħu l-proċeduri kollha. L-Imħallef Galea Debono talab li l-proċeduri jimxu b’ħeffa.

Lulju 2019: Jaslu fi tmiemhom il-proċeduri kollha mibdija mill-kuntrattur Pawlu Demicoli u Kevin Bonnici.

Settembru 2019: Newsbook.com.mt jikteb lil Frank Mercieca u lill-Avukat Ġenerali Peter Grech biex jinfurmana meta se jkompli l-każ.

Frar 2020: Wara diversi imejls Newsbook.com.mt jikteb lill-Ministeru tal-Ġustizzja li taħtu jaqa’ Mercieca. Il-Ministeru jwieġeb mill-ewwel.

Newsbook.com.mt kiteb ukoll lill-Prim Imħallef Joe Azzopardi li ma jweġibx.

Marzu 2020: Traġedja oħra din id-darba fil-Ħamrun. Mara oħra maqtula. Kemm se jdumu jistennew għall-ġustizzja l-qraba?