Aġġornata: Żewġ negozjanti mistennija jitressqu l-Qorti b’rabta max-xiri ta’ żejt

Fil-Qorti … żewġt negozjanti fil-qasam marittimu, illum ġew akkużati b’korruzzjoni u ħasil ta’ flus fil-każ tax-xiri taż-żejt mill-Enemalta.

Madanakollu, l-ispettur tal-Prosekuzzjoni Angelo Gafà qal li Tony Cassar u Francis Portelli m’għandhomx x’jaqsmu mal-kummissjonijiet li ngħataw.

Cassar u Portelli ngħataw il-libertà provviżorja fuq depożitu personali ta’ €20,000 u garanzija personali ta’ €20,000 oħra. L-assi finanzjarji tagħhom ġew iffriżati u anke tpoġġew taħt kerfew.

Tony Cassar huwa negozjant fil-qasam marittimu filwaqt li Francis Portelli, hu d-direttur maniġerjali tal-kumpanija Virtu Holdings Limited, li topera l-Virtu Ferries.

Dan seħħ wara li tressqu quddiem il-Qorti l-eks chairman tal-Enemalta Tancred Tabone u l-konsulent Frank Sammut.

Filfatt nhar it-Tlieta li għadda Tancred Tabone, u Frank Sammut wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. Tabone u Sammut huma akkużati b’tixħim fuq xiri ta’ żejt. Huma ngħataw il-liberta proviżorja b’garanzija personali ta’ €15,000.

Dan il-każ instema’ ftit jiem wara li ngħatat proklama lil George Farrugia. Il-qorti ordnat biex iż-żewġ akkużati ma jagħmlux kuntatt ma’ George Farrugia.

Intant, l-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech appella l-kundizzjoni tal-libertà proviżorja mogħtija lil Tancred Tabone u Frank Sammut.