Żewġ mwiet f’temp ta’ ħmistax iwasslu għal rapport ‘falz’ ta’ bugħaddas nieqes

L- imwiet ta’ żewġ bugħaddasa f’temp ta’ ftit jiem wassal biex jinħoloq allarm għalxejn fil-bajja ta’ Fra Ben il-bieraħ filgħaxija.

Kelliem għal Forzi Armati ta’ Malta ikkonferma ma’ Newsbook.com.mt li t-tfixxija fuq suspett ta’ każ ieħor ta’ bugħaddas nieqes twaqqfet dalgħodu kemm kif ġie kkkonfermat li l-baga abbondunata fil-bajja ta’ Fra Ben ma kenitx ta’ bugħaddas.

L-AFM qalet li kkonfermat ma’ Transport Malta li l-baga li kienet reġistrata magħha kien tniżżlet minn dgħajsa u tpoġġiet hemm biex tiġi skorġuta magħha u mhux biex tintuża minn xi bugħaddas.

Il-Kelliemi qal li minkejja li l-Forzi Armati kellhom konferma ta’ dan il-bieraħ fil-għaxija, xorta dalgħodu intbagħat helikopter biex jagħmel spezzjoni fuq l-ixtajta ta’ Bugibba.

F’temp ta’ ħmistax il-ġurnata, żewġ bugħadassa Maltin tilfu ħajjithom fl-istess parti tal-kosta Maltija. Fl-4 ta’ Settembru, kwazi 24 siegħa wara li għeb waqt li kien qed jogħdos ma’ sieħbu, l-għaddasa tal-Forzi Armati ta’ Malta sabu l-katavru ta’ Neil Zammit f’ Baħar iċ-Ċagħaq wara li għeb fil-Qawra. Waqt li l-Erbgħa li għaddew, Simon Psaila, iż-żagħżugħ Rabti ta’ 24 sena li tilef ħajtu waqt li jogħdos bin-nifs fix-Xemxija u ttella’ bla ħajja mill-baħar fiż-żona tal-Veċċja.

Dawn iż-żewġ inċident setgħu waslu biex jinħoloq alarm żejda fi Fra Ben il-bieraħ filgħaxija wara li xi nies raw persuna tinżel tgħum bil-ħwejjeġ, mhux bl-apparat tal-għadis u tniżżel baga għal ħabta ta’ 6 ta’ filgħaxija.  Sar rapport lill-pulizija u fis-6.30 bdiet it-tfixxija minkejja li ma sar l-ebda rapport għal persuni nieqsa.