Żewġ MPs jattakkaw akkademiċi li huma kontra l-iffriżar tal-embrijuni

Waqt diskussjoni dwar l-Att li se jemenda l-liġi dwar il-protezzjoni tal-embrijuni, żewġ Membri Parlamentari tal-Gvern attakkaw lill-uħud mill-100 professjonisti u akkademiċi tal-Universita’ li ffirmaw id-dikjarazzjoni kontra l-iffirżar tal-embrijuni.
Id-deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li f’din il-lista hemm biss 8 ġinekoloġisti li uħud minnhom qed jirreferu pazjenti għall-istess trattament barra minn Malta.
Ftit wara, s-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li filwaqt li rrispetta uħud mill-akkademiċi li jiffirmaw d-dokument, qal li hemm oħrajn li f’daqqa waħda, minn bloggers tal-Partit Nazzjonalista saru jifhmu fl-IVF. 
Huwa qal li min qed jopponi dawn l-emendi fil-liġi qed joħloq stigma kontra dawn it-tfal li għadhom ma twieldux. 
Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea appella lill-Gvern biex ma jagħmilx minn Malta ċentru internazzjonali tas-surrogazzjoni u sostna li din il-liġi hija l-ewwel pass lejn l-abort. 
Huwa qal li jekk il-Gvern irid jgħin lill-koppji li għamlu t-trattament tal-IVF, imissu jħallas għall-medicini tal-IVF li jitilgħu sa €1,000 kull ċiklu. 
Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-adozzjoni tal-embrijuni mhux xi suq faċli għax qal li jsir l-argument li dawn huma “rejected embryos” u ftit huma dawk li jkunu iridu jaddottahom.
Spjega li għalhekk se jkun hemm aktar embrijuni mid-domanda. Qal li f’dan il-kuntest id-dilemma se tkun x’se jsir minn dawn l-embrijuni ffriżati.
Is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li l-ebda Membru Parlamentari m’għandu dritt jiddeċiedi jekk koppja għandix issir ġenitur jew le.
Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal l-Att tal-2012 daħal wara snin twal ta’ diskussjoni nazzjonali. Dan wassal biex il-liġi kienet approvata b’mod unanimu. Din kienet liġi li ħolqot bilanċ iżda għal dan il-gvern il-konsultazzjoni hi biss eżerċizzju ta’ konvenjenza.
Min-naħa tiegħu d-deputat Nazzjonalista David Stellini qal li dwar din il-kwistjoni tal-iffriżar tal-embrijuni u l-kiri tal-ġuf, l-Unjoni Ewropea m’għandix tindaħal fil-liġi tal-libertajiet ċivili.