Żewġ Ministri barranin pożittivi għall-coronavirus

Aġġornat 11:03 AM

Bartolo u Zrinzo Azzopardi "m'hemmx għalfejn jagħmlu kwarantina"

Read in English.

Żewġ Ministri tal-Affarijiet Barranin irriżultaw pożittivi għall-coronavirus wara li aktar kmieni din il-ġimgħa attendew għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu li għaliha kien hemm preżenti żewġ membri tal-Kabinett Malti.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Belġju Sophie Wilmès u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Awstrijak Alexander Schallenberg it-tnejn li huma nstab li kienu pożittivi għall-virus. Fl-Awstrija l-Kabinett kollu ġie ttestjat bħala prekawzjoni.

Dan wassal lill-Kummissarju Għoli tal-Unjoni Ewropea Josep Borrell li kien imexxi l-laqgħa biex jagħmel perjodu ta’ iżolament sa għada t-Tnejn meta hu mistenni li jagħmel swab test ieħor għall-coronavirus.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo kif ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, t-tnejn li huma kienu fil-Lussemburgu jattendu għal-laqgħat differenti li għalihom attendew ukoll il-Ministru Beġjan u l-Ministru Awstrijak.

Il-Ministru Bartolo f’laqgħa bilaterali mal-Ministru Awstirjak

Fi stqarrija aktar kmieni din il-ġimgħa, id-Dipartiment tal-Informazzjoni qal li fost il-laqgħat bilaterali li kellu l-Ministru Bartolo fil-Lussemburgu, huwa ltaqa’ mal-Ministru Awstrijak Alexander Schallenberg.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Bartolo qal li kif wasal lura Malta għamel swab test li ġie negattiv u l-istess għamel min ivjaġġa miegħu u rriżulta negattiv ukoll. Mistoqsi dwar żmien ta’ kwarantina minħabba li kien fl-istess laqgħat mal-Ministri li nstabu pożittivi, il-Ministru Bartolo qal li qed jieħu l-parir tal-awtoritajiet responsabbli u jobdi dak li jgħidulu.

Dwar il-parir li ngħata mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-Ministru Bartolo qal li qaluli li wara assessjar li sar fuq il-possibilta ta’ espożizzjoni għall-virus irriżulta li ma kienx hemm kuntatt mal-każijiet pożittivi. Dwar il-laqgħa bilaterali, il-Ministru qal li din damet ftit minuti u li t-tnejn li huma kienu lebsin il-maskra u żammew id-distanza soċjali.

L-istess mistoqsijiet intbagħtu lis-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi, bil-kelliema tiegħu tgħid li anke Zrinzo Azzopardi ħa swab test li ġie fin-negattiv. L-istess bħall-Ministru Bartolo, il-kelliema qalet li huwa “qed jimxi ma’ kull direzzjoni li jingħata mill-awtoritajiet tas-saħħa”.

Il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-Ġimgħa ddefenda laqgħat tal-UE li qed isiru fiżikament minkejja żieda qawwija fil-każijiet ta’ coronavirus madwar il-kontinent kollu.