Żewġ Maltin wara l-kanzunetta Irlandiża għall-Junior Eurovision

Il-kanzunetta Banshee se tirrappreżenta lill-Irlanda fl-edizzjoni li jmiss tal-Junior Eurovision li se jsir fi Gliwice-Silesia, fil-Polonja nhar l-24 ta’ Novembru 2019.

Il-kantanta li se tirrappreżenta dan il-pajjiż hija Anna Kearney ta’ 13-il sena. Però ta’ interess għalina l-Maltin huwa l-fatt li din il-kanzunetta għandha kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar u Daniel Muscat Caruana, flimkien ma’ Jonas Gladnikoff.

Banshee ntgħażlet wara li l-kanzunetta għaddiet minn erba’ fażijiet u finalment is-semi finali. Għandha kitba ta’ Niall Mooney, Fiachna O Bhraonáin, Anna Banks u Anna Kearney.

Il-kantanta Anna Kearney se tirrappreżenta l-Irlanda b’kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar u Daniel Muscat Caruana. Ritratt: TG4

Anna Kearney għandha 13-il sena u hija minn County Dublin. Hi diġà dehret fi produzzjonijiet fuq il-palk ta’ Broadway kif ukoll fin-National Concert Hall fl-Irlanda. Hija mhix l-ewwel membru fil-familja tagħha li qed tmiss mal-Eurovision għax lura fl-1994, ommha Eileen kienet fuq il-palk tal-Eurovision meta ttellgħet il-famuza River Dance.

Anna Kearney waqt il-finali tal-Ħadd filgħaxija fl-Irlanda. Ritratt: TG4

Cyprian Cassar diġà kellu esperjenza fil-Junior Eurovision meta kien proprju s-sena l-oħra li kien il-kompożitur wara Marchin’ On, il-kanzunetta li biha Ela Mangion irrappreżentat lil pajjiżna fil-Junior Eurovision.

Cyprian Cassar u Daniel Muscat lura fl-2013 meta bew bl-ewwel kollaborazzjoni tagħhom. Ritratt: Christopher Stephenson

Il-kollaborazzjoni bejn Cyprian Cassar u Daniel Muscat tmur lura għall-2013 meta Daniel flimkien ma’ Tenisha kien daħal għal kompetizzjoni mużikali. Kienu għaddew mal-4 finalisti u wara Daniel kellu wkoll recording session. L-ewwel kollaborazzjoni fuq kanzunetta oriġinali waslet fl-2017 u baqgħu jaħdmu flimkien biex issa se jkunu fil-kompetizzjoni tal-Junior Eurovision għall-Irlanda.