Aġġornata: In-namrati tal-Belt taħt liżar!

12:08pm: Ma tantx damet għall-wiri l-graffita li dan il-lejl saret ma' Bieb il-Belt.  Għall-ħabta ta' nofsinhar il-ħaddiema għattew it-tpinġija b'liżar.

Sadanittant il-pulizija qegħda tfittex persuna li għall-ħabta tal-erbgħa ta' dalgħodu ntlemħet tpinġi mal-faċċata ta’ Bieb il-Belt.

Is-suspettat telaq jiġri lejn Triq ir-Repubblika hekk kif ra l-vettura tal-pulizija.

Minkejja li l-pulizija telqu għal warajh u saru diversi rondi madwar il-belt, il-persuna baqgħet ma nstabitx. 

 

Aktar kmieni: Malli tidħol minn Bieb il-Belt bħalissa ssib jilqgħuk żewġ maħbubin.  Le, mhumiex tad-demm u l-laħam, imma graffiti sewda ta’ mara u raġel li b’idejhom qed jagħmlu forma ta’ qalb.

Mhux magħruf min matul il-lejl għamel din it-tpinġija mal-Bieb.

Kif jixhed ir-ritratt, dalgħodu stess din il-graffita saret attrazzjoni għal kull min daħal il-Belt.

Lanqas mhu magħruf min għamel il-graffita ta’ tifla bil-bżiezaq ħomor f’idejha li hemm mal-ġebel tal-konkrit fil-wied ta’ Ħal Qormi, li qed iservu ta’ devjazzjoni minħabba xogħlijiet marbuta mal-proġett kontra l-għargħar.

Il-graffita ta’ din it-tifla hi kopja tat-tpinġija tal-artist Banksy, li hu bbażat fl-Ingilterra.

 

Ritratti: Gabriel Schembri u Albert Sciberras fuq info@newsbook.com.mt