Żewġ maġistrati b’aktar minn 100 inkjesta pendenti f’Għawdex

Il-Ministru għall-Ġustizzja jgħid li hemm 335 inkjesti pendenti

Żewġ maġistrati għandom aktar minn 100 inkjesta pendenti l-wieħed f’Għawdex.

Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis fil-Parlament fi tweġiba għal mistoqsija mill-MP tal-PN Jason Azzopardi.

Zammit Lewis qal li l-Maġistrati Monica Vella u Simone Grech għandom 116 u 110 inkjesta maġisterjali pendenti rispettivament.

Il-maġistrati Josette Demicoli u Brigitte Sultana għandhom 20 u 89 inkjesta maġisterjali pendenti rispettivament.

B’kollox hemm 335 inkjesti pendenti.

Zammit Lewis qal ukoll li:

  • Hemm 52 inkjesta li ilhom inqas minn sena (sal-aħħar ta’ April 2020)
  • Hemm 18 inkjesta li ilhom bejn sena u sentejn (sal-aħħar ta’ April 2020)
  • Hemm 265 inkjesta li ilhom aktar minn sentejn (sal-aħħar ta’ April 2020)

X’inhi inkjesta maġisterjali?

Is-sit tal-ġudikatura f’Malta jgħid li inkjesta maġisterjali titwettaq minn Maġistrat f’kapaċità investigattiva.

Jintqal li inkjesta maġisterjali teknikament tissejjaħ ‘inkjesta li tirrelata dwar l-in genere’. F’inkjesta maġisterjali ma jkunx hemm persuni li tressqu quddiem il-qorti mill-pulizija. Però jista’ jkun hemm suspettati.

Is-sit jgħid li l-għan prinċipali ta’ inkjesta maġisterjali hi li biex tiġi preżervata l-evidenza ta’ reat jew biex jistħarreġ dwar il-mewt ta’ xi ħadd.