Żewġ lukandi mill-Grupp AX b’attivitá għat-tfal minn Puttinu Cares

Id-dekorazzjoni tal-bajd tal-Għid hija waħda mill-affarijiet l-aktar pjaċevoli ta’ dan il-perjodu tal-Għid, b'mod partikolari meta t-tfal huma kbar biżżejjed biex jiddevertu fil-kumpanija tal-ġenituri u l-ħbieb tagħhom.
L-għada ta’ Ħadd il-Għid, il-lukandi f’Tas-Sliema, The Palace & The Victoria, organizzaw attività li permezz tagħha kienu mżejna l-bajd tal-Għid fis-Sala William Shakespeare li tinsab fil-Lukanda Victoria. Iż-żewġ lukandi, li jiffurmaw parti minn AX Hotels, ingħaqdu ma’ Puttinu Cares biex jiġbru l-flus għal dan il-Cancer Support Group u sabiex jgħinu lill-familji li għandhom tfal morda bil-kanċer.
Għaxart’itfal, li għandhom l-età ta’ bejn 4 u l-10 snin, ħadu sehem f’dan l-avveniment divertenti, li ppermetta lil dawn it-tfal sabiex bl-immaġinazzjoni tagħhom jużaw il-kreattività tagħhom billi jagħmlu l-bajd tal-Għid waqt li jieħdu gost flimkien f’dan iż-żmien tas-sena. Wara din is-sessjoni ta’ dekorazzjoni, it-tfal kellhom iċ-ċans li jattendu għal festin organizzat apposta għalihom u fil-presenza tal-voluntiera mill-istaff tal-lukandi u ġenituri li għenu sabiex din l-attività tkun suċċess.