Żewġ listi ta’ Covid-19 f’Malta; diskrepanza fin-numru ta’ każi – rapporti; il-Ministeru jispjega

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qegħdin iżommu żewġ listi separati tal-pazjenti li għandhom il-virus tal-COVID-19. Il-ġurnal The Sunday Times of Malta żvela li bejn iż-żewġ listi hemm diskerpanza ta’ aktar minn 200 każ.

Il-Gvern iżomm il-lista tal-każijiet fuq database speċjalizzata magħrufa bħala Patient Administration System. Fil-lista li tinżamm mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, u li minnha l-poplu ikun infurmat kuljum bil-każijiet relatati mal-COVID-19, sal-Ġimgħa 21 t’Awwissu, kien hemm żieda ta’ 241 każ.

Il-ġurnal The Times of Malta spjega li din id-diskrepanza setgħet waslet biex il-figuri li kienu qegħdin jingħataw kuljum ma jirriflettux is-sitwazzjoni vera f’Malta.

Il-ġurnal qal li l-uffiċjali jinsabu għaddejjin b’ħidma biex iż-żewġ listi jiġu irrikonċiljati. Il-persuni li tkellmu mat-Times of Malta qalu li s-sistema tal-Patient Administration System tista’ tkun iktar korretta minn dik miżmuma mill-Professur Charmaine Gauci minħabba li hija Sistema awtomatika u awditjata.

Min-naħa l-oħra s-sistema tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika hija spreadsheet li għandhom aċċess għaliha l-kollegi viċin il-professur. Din l-ispreadsheet hija bbażata fuq is-sistema li ppubblikat l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.

Il-persuni li tkellmu mal-ġurnal The Times of Malta ma elaborawx dwar kemm ilha din id-diskrepanza madankollu qalu li l-uffiċjali tas-Saħħa talbu biex din id-diskrepanza tkun indirizzata mill-aktar fis.

Il-Ministeru jispjega

Il-Ministeru tas-Saħħa spjega li d-database Nazzjonali tal-COVID-19 jisimha Go.Data u din hija sistema li tintuża mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa f’każijiet ta’ Epidemiji. Din id-database ntużat fil-każ tal-Ebola fl-Afrika u aktar tard ġiet żviluppata għall-COVID-19.

L-ispreadsheet tal-każijiet attivi għandhom aċċess għaliha t-tim li jsegwi l-każijiet u t-tim tal-kwarantina sabiex ikunu jistgħu jsiru spezzjonijiet fid-djar ta’ dawk li jkunu iżolati fid-djar.

Il-Kelliema għall-Ministeru spjegat li s-sistema li tintuża f’Mater Dei bl-isem ta’ Patient Administration System (CPAS) li tindika ċerta kundizzjonijiet biex tiffaċilità li jkun hemm prevenzjoni ta’ tixrid ta’ ċerta mard meta pazjent jiddaħħal l-isptar u l-COVID-19 hija waħda minn dawn l-infezzjonijiet.

Hija żiedet li fil-każ tal-COVID-19 is-sistema CPAS ma tistax tkun iżolata peress li hija kumplimentari għal numru ta’ sistemi oħra biex ikun sigur l-mod kif jiġi trattat pazjent pożittiv għall-coronavirus.

Pazjent li jkun pożittiv għall-coronavirus jitneħħa mil-lista ta’ CPAS wara tliet xhur sabiex ikun assigurat li persuni li huma pożittivi għall-coronavirus u juru xi sintomi jkunu magħrufa.

Għalhekk in-numru ta’ każijiet attivi miġbura mill-Go.Data mhux l-istess tas-sistema CPAS.

Fl-aħħar aġġornament aktar kmieni llum, 35 persuna rriżultaw pożittivi għall-coronavirus filwaqt li 33 persuna fiequ. It-total ta’ każijiet attivi huwa ta’ 668.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn