Żewġ karozzi-bomba: Imutu 17

Mill-inqas 17-il persuna nqatlu f’żewġ karozzi bomba fil-kapitali Somala Mogadishu.
Il-grupp Iżlamiku Al-Shabab refa’ r-responsabbiltà tal-attakki.
Militanti armati daħlu f’lukanda, fejn introduċew irwieħhom bħala membri tal-Ministeru tas-Sigurtà, iżda ftit wara attakkaw b’bomba suwiċida.
Il-parti l-kbira tal-mejta kienu uffiċjali tal-pulizija li kienu stazzjonati qrib ir-rixtellu tal-lukanda.
Il-ġlied baqa’ għaddej fil-lukanda, u jidher li l-għadd ta’ vittmi jista’ jkompli jiżdied.
Ftit minuti wara, seħħet it-tieni splużjoni, li ġiet attivata qrib dak li qabel kien il-bini tal-Parlament fis-Somalja.
Aktar kmieni dan ix-xahar, is-Somalja assistiet għal dak li qed jitqies bħala wieħed mill-agħar attakki terroristiċi fid-dinja fl-aħħar żminijiet.
F’Mogadishu, mietu mill-inqas 500 persuna, meta trakk mimli b’mijiet ta’ kilogrammi ta’ splussiv, sploda qrib id-daħla ta’ lukanda fi nħawi ferm iffrekwentati fil-belt kapitali.