Żewġ karigi ġodda fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħabbar li l-ħaddiema Simona Cassano u Matthew Borg ingħataw żewġ karigi ġodda, dawk ta’ Direttur Eżekuttiv u Senior Manager, rispettivament.

Cassano ngħaqdet mat-tim tal-KNK fl-2017 fi żmien meta l-Kunsill kien għadu qed jibni l-pedamenti tiegħu. Minn dakinhar ħadmet qatigħ biex jiġi żviluppat l-operat tad-dipartiment u kienet strumentali biex tjieb il-prodott. Għandha żewġ Maġisteri u qabel ix-xogħol mal-KNK kienet diġà bniet karriera fl-industrija tal-pubblikazzjoni fl-Italja u l-Emirati.

Borg kien jaħdem fil-ġurnaliżmu qabel ma ngħaqad mal-Kunsill fl-2018, u minn dakinhar ħa f’idejh fergħat u proġetti ġodda, ngħidu aħna l-esportazzjoni letterarja fir-reġjun Għarbi. F’ħidma mal-kollegi l-oħra fit-tim, bħalissa qed jaħdem biex il-Kunsill jidħol fi swieq oħra bl-esportazzjoni f’lingwi ġodda. Iggradwa fil-Malti u bħalissa qed ikompli jibni fuq dawn l-istudji.

Il-KNK, immexxi miċ-Chairman Mark Camilleri, awgura lil dawn iż-żewġ ħaddiema tiegħu ġejjieni sabiħ.

Bħalissa l-Kunsill għaddej bil-preparamenti għall-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus li se jsir bejn il-25 u s-27 ta’ Marzu fl-Università, b’ħidma mal-Għaqda tal-Malti – Università u DESA.