Żewġ kappillani ġodda għall-parroċċi ta’ Kristu Re u tas-Sacro Cuor

L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P ħatar żewġ kappillani ġodda.
Dun Marc Andrè Camilleri se jkun qed iservi bħala l-kappillan il-ġdid tal-parroċċa ta’ Kristu Re ta’ Raħal il-Ġdid filwaqt li Patri Alexander Borg O.F.M inħatar bħala Kappillan tal-parroċċa tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema.
Dun Camilleri li għandu 30 sena ġie ordnat saċerdot fit-23 ta’ Ġunju 2010. Huwa beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ San Sebastjan Ħal Qormi fejn serva għal erba’ snin. L-aħħar tlieta għamilhom bħala viċi kappillan.
Matul dawn is-snin kien ukoll assistent direttur spiritwali tal-iskola primarja ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi. Huwa wkoll membru tal-Missjoni ż-Żgħira.
Il-kappillan il-ġdid tal-parroċċa tas-Sacro Cuor għandu 59 sena u ġie ordnat saċerdot fl-10 ta’ Lulju tal-1983.
Huwa għamel il-Professjoni Solenni mal-Ordni tal-Franġiskani Minuri fl-1975 u kompla jistudja r-Rabat, Assisi u Bologna.
Fl-aħħar snin huwa kien il-viċi tal-istess parroċċa wara li serva fil-komunitajiet ta’ Birkirkara, ir-Rabat u l-Belt Valletta.
Il-Parroċċa ta’ Krisru Re tiġbor fiha 7,127 persuna f’2,721 familja. Dik tas-Sacro Cuor hi magħmula minn 3,800 persuna f’1,410 familja.