Żewġ kantanti Maltin f’festival tal-mużika fil-Belarussja

L-edizzjoni li jmiss tal-festival internazzjonali Slavianski Bazaar se ssir f’Vitebsk fil-Belarussja bejn it-8 u l-11 ta’ Lulju. Martina Cutajar, Janice Mangion, Martina Abela, Cliff Zammit Stevens u Kurt Calleja huma fost il-Maltin li diġà ħadu sehem fih fis-snin imgħoddija u din is-sena hemm żewġ kantanti Maltin li se jkunu qed jipparteċipaw fih. Dawn huma Leah Cauchi fil-kategorija għat-tfal ta’ bejn is-7 u  t-12-il sena, u Chess Galea fil-kategorija tal-kantanti bejn it-18 u l-31 sena.

Il-Festival Internazzjonali tal-arti Slavianski Bazaar fil-Vitebsk huwa l-akbar forum kulturali fir-Repubblika tal-Belarussja. L-għan tal-festival huwa espress fl-islogan tiegħu ‘Permezz tal-arti għall-paċi u l-fehim reċiproku’. Il-festival rebaħ akklamazzjoni internazzjonali li hija miżmuma fuq skala globali. Dan il-festival ilu jsir mill-1992 iżda l-kompettizjoni għat-tfal bdiet fl-2003.

Fil-kategorija tat-tfal jistgħu jipparteċipaw kantanti bejn is-7 u t-12-il sena. Hemm ukoll il-kategorija ta’ kantanti bejn it-18 u l-31 sena.

Il-festival Slavianski Bazaar beda fl-1993 u issa se jkun qed jidħol fis-27 edizzjoni tiegħu. Huwa l-ikbar forum kulturali fir-Repubblika tal-Belarussja. Kantanti minn madwar 63 pajjiż madwar id-dinja ħadu sehem tul is-snin.

Fost dawn kien hemm ukoll Ruslana li fis-snin ta’ wara rebħet ukoll il-Eurovision Song Contest għall-Ukrajna.

Leah Cauchi

Leah Cauchi għandha 12-il sena u hija mil-Kalkara. Titħarreġ il-kant għand Maria Abdilla.

Apparti l-kant hija tippratika wkoll it-teatru mużikali u l-pjanu u minn età żgħira ilha tipparteċipa f’festivals kemm lokali kif ukoll internazzjonali, fosthom il-Voce del Sud fi Sqallija u Music for Kids fir-Rumanija.

Fl-2015 kienet ukoll finalista f’Sanremo Junior Malta u anki fil-kompetizzjoni televiżiva ta’ The Entertainers.

Ħadet sehem ukoll fil-parti prinċipali tal-musical Annie li ttella’ fl-iskola li hija tattendi.

Chess Galea

Chess Galea għandha 27 sena u ħadet sehem f’numru ta’ festivals fix-xena lokali u dik internazzjonali.

Apparti l-kant hija wkoll tiżfen. Fost oħrajn ħadet sehem f’Silvana fi New York, f’The Emirates Palace f’Abu Dhabi u f’The Roadhouse f’Londra.

Hija tikteb ukoll kanzunetti, mhux biss għaliha iżda għal artisti oħra madwar id-dinja.

Is-sena l-oħra l-kanzunetta tagħha telgħet sal-post numru 40 fil-klassifika tal-iTunes.

Is-sehem ta’ Leah Cauchi u Chess Galea fil-konkors Slaviansky Bazaar huwa possibbli għal Evelina Batey li hawn Malta tipproduċi l-festival lokali li minnu jintgħażlu l-kantanti.

Intant, intukom togħma żgħira mill-edizzjonijiet imgħoddija ta’ dan il-konkors fil-Belarussja.