Żewġ żgħażagħ għas-saċerdozju

Għada l-Ħadd, żewġ seminaristi se jitolbu lill-Knisja biex tilqagħhom uffiċjalment bħala kandidati għall-Ordni tad-Djakonat u tal-Presbiterat.
Iż-żewġ seminaristi se jistqarru pubblikament li se joffru lilhom infushom lill-Knisja biex aktar ’il quddiem ikunu jistgħu jservu fis-Saċerdozju Ministerjali permezz tas-Sagrament tal-Ordni Sagri.
Din it-talba se ssir waqt il-Quddies tal-Epifanija fil-Kon-Katridral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, li se titmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna.
Is-seminaristi li bħalissa jinsabu fil-ħames sena tal-formazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof, huma Anton D’Amato mill-Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż-Żurrieq u Bernard Micallef mill-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Tarxien.
L-Arċisqof, f’isem il-Knisja, se jkun qed jilqa’ bil-ferħ l-offerta tagħhom u se jitlobhom biex matul is-snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall-Ordni Sagri.
Il-quddiesa ser tixxandar ‘live’ fuq il-Youtube channel tal-Knisja f’Malta: www.youtube.com/knisjamalta