Żewġ kandidati ġodda għas-saċerdozju

Ritratt: knisja.mt/ritratti

Read in English.

Żewġ seminaristi fil-ħames sena ta’ preparazzjoni fis-Seminarju tal-Arċisqof ser jitolbu lill-Arċisqof Charles J. Scicluna biex jaċċettahom uffiċjalment bħala kandidati għall-Ordinazzjoni Djakonali u Saċerdotali. Din iċ-ċelebrazzjoni ser issir għada, il-Ħadd 5 ta’ Jannar 2020, waqt il-Quddiesa tal-Epifanija fil-Konkatridral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fid-9:15 a.m.

Sean Abela mill-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, u Jean Claude Attard mill-Parroċċa ta’ Sant’Anna, Wied il-Għajn, ser jistqarru pubblikament ir-rieda tagħhom li joffru lilhom infushom lill-Knisja biex iservu bħala saċerdoti.

L-Arċisqof Scicluna, filwaqt li jilqagħhom b’ferħ, ser ikun qed jitlobhom biex matul is-snin li ġejjin ikomplu jħejju lilhom infushom bi preparazzjoni għall-Ordni Sagri.

L-Arċidjoċesi fi stqarrija qalet li l-komunità Nisranija hi mitluba żżomm f’talbha lil dawn iż-żewġ kandidati għas-saċerdozju.