Żewġ Isqfijiet li kienu nħatfu minn Aleppo fis-Sirja fl-2013 spiċċaw maqtula

Iż-żewġ Isqfijiet Sirjani li nħatfu u nqatlu minn Jihadisti

Investigazzjoni ġurnalistika li r-riżultat tagħha kien svelat riċentement, ikkonkludiet li żewġ Isqfijiet li kienu għebu minn Aleppo f’April tal-2013, inqatlu fDiċembru tal-2016 minn grupp ta’ ġellied wara li żammewhom ostaġġi għal snin.

Jidher li dan kien id-destin tal-Isqof Ortodoss Grieg, Boulos Yazigi u tal-Isqof Ortodoss Sirjan, Gregorios Yohanna Ibrahim li sparixxew fit-22 ta’ April 2013 fl-inħawi bejn is-Sirja u l-fruntiera mat-Turkija u li ma tħalliet ebda traċċa tagħhom.

Din it-teorija hi riżultat ta’ investigazzjoni li tmexxiet minn Mansur Salib, riċerkatur Sirjan li jgħix fl-Istati Uniti, megħjun minn xi ġurnalisti u r-riżultat tpoġġa fuq il-platform diġitali “medium.com”, li hu konness ma’ Twitter.

Saċerdoti maħtufa

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES qalet li skont u l-awturi ta’ din l-investigazzjoni grupp militant Nour al-Din al-Zenki, li hu involute fil-kunflitt fis-Sirja u li waqt il-ġlied kien finanzjat mis-Saudi Arabia u mill-Istati Uniti, qatel liż-żewġ Isqfijiet.

L-investigazzjoni sabet li fit-22 ta’ April 2013, iż-żewġ Arċisqfijiet telqu minn Aleppo fuq van Toyota tat-tip “pick-up” misjuq minn ċertu Fatha Allah Kabboud u kienu sejrin biex ikollhom taħditiet dwar il-ħelsien ta’ żewġ saċerdoti maħtufa – wieħed Armen, Michael Kayyal u ieħor Grieg, Maher Mahfouz – li kienu nħatfu minn grupp ta’ Jihadisti ta’ kontra Assad li f’dak iż-żmien kellhom kontroll tat-territorju fil-Lvant tal-metropoli Sirjana.

Iż-żewġ Isqfijiet, lebsin ilbies ċivili waqgħu f’nassa li tħejjiet għalihom.  Il-karrozza li fiha kienu qed jivjaġġaw kienet imblukkat minn grupp armat li qatlu lis-sewwieq – missier ta’ tliet itfal – b’tiri f’rasu, u ħatfu liż-żewġ prelati.  Ħadd ma ħa responsabbiltà għal dan il-ħtif.

Fix-xhur u s-snin ta’ wara kien hemm ħafna għidut li ż-żewġ Isqfijiet kienu se jinħelsu, iżda dawn dejjem irriżulta li kienu għidut foloz.

L-għibien ta’ dawn iż-żewġ Isqfijiet dejjem kien imtappan b’informazzjoni falza u qarrieqa bħal meta ftit jiem wara li nħatfu kien intqal li kienu nħelsu u fi triqthom lejn il-Kattidral ta’ Aleppo fejn inġemgħet folla kbira ta’ nies tistennihom u dawn baqgħu jistennew għal xejn.

Isqfijiet maqtula

Xhud importanti ħafna li jissemma fir-rapport tal-investigazzjoni ġurnalistika hu dak ta’ Yassir Muhdi, li aktarx kien wieħed mill-kalzrieri taż-żewġ Isqfijiet, li aktar tard inqabad mill-forzi tas-sigurtà Sirjani u li ta dettalji ta’ dak li seħħ.  Madankollu billi ma nstabux il-katavri taż-żewġ Isqfijiet, l-investigazzjoni ma tistax titqies li hi kompleta.

Fost konklużjonijiet li waslet għalihom l-investigazzjoni hemm indizji li ż-żewġ Isqfijiet kienu torturati u li wieħed minnhom, fl-2015 kien rikoverat fil-faċilità tas-saħħa “Antakya Devlet Hatanesi, li tinsab fil-provinċja Torka ta’ Hatay.

Fl-aħħar tal-investigazzjoni jingħad li ż-żewġ Isqfijiet inqatlu u ndifnu f’post mhux magħruf, f’Diċembru tal-2016, qabel mal-inħawi fil-Lvant ta’ Aleppo kienu se jerġgħu jaqgħu f’idejn l-armata Sirjana.