Tliet imwiet oħra bil-Covid-19

Aġġornat 02:08 PM
Medical staff wearing protective masks, glasses and suits treat patients suffering from coronavirus disease (COVID-19) in an intensive care unit at the Oglio Po hospital in Cremona, Italy March 19, 2020. REUTERS/Flavio Lo Scalzo

Il-Ministeru għas-Saħħa dalgħodu ħabbar il-mewt ta’ żewġ irġiel oħra, ta’ 90 u 78 sena, li kienu pożittivi bil-Covid-19. Aktar tard, Prof. Charmaine Gauci ħabbret li mietet persuna oħra.

In-numru ta’ mwiet relatati mal-pandemija tal-Covid-19 f’Malta b’hekk tela’ għal 38.

L-ewwel każ kien ta’ raġel ta’ 90 sena li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fil-15 ta’ Settembru. Hu ddaħħal l-Isptar Mater Dei fis-27 ta’ Settembru, fejn miet ilbieraħ.

It-tieni każ kien ta’ raġel ta’ 78 sena li kien ikkonfermat pożittiv għall-Covid-19 fl-10 ta’ Settembru u daħħal l-Isptar Mater Dei fil-15 ta’ Settembru. L-anzjan miet matul il-lejl.

Il-Ministeru qal li ż-żewġ anzjani kellhom kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.

Waqt il-konferenza li tagħmel ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, Prof. Charmaine Gauci ħabbret li mietet anzjana oħra fis-Sala ta’ Kura Intensiva (ITU) fl-Isptar Mater Dei, imma dak il-ħin kienet għadha qed tinġabar l-informazzjoni dwarha.

Prof. Gauci qalet li l-aktar li mietu kienu dawk li għandhom bejn 85 u 94 sena.

F’intervista ma’ 103 Malta’s Heart fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Anzjani, l-president tal-Għaqda Pensjonanti Louis Cilia qal kif anzjani jweġġgħu meta l-mewt ta’ persuna anzjana bil-Covid-19 qisha tiġi ġġustifikata abbażi tal-età tagħhom, partikolarment meta jiġi emfasizzat li kellhom kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri. Qal li b’dawn il-kliem qisu trid tingħata l-impressjoni li dawn kienu se jmutu xorta llum jew għada.