Żewġ impjegati oħra tal-Enemalta sospiżi fuq serq ta’ elettriku

L-Enemalta ssospendiet żewġ impjegati  oħra li kienu suspettati li għenu klijenti biex jisirqu l-elettriku.
Fi stqarrija, l-Enemalta qalet li dawn ġew sospiżi sakemm jiġu mistħarrġa mill-Pulizija. Il-każ kien identifkat wara stħarriġ mit-tim tal-Enemalta li qed jaħdmu biex inaqqsu s-serq tal-elettriku.
Is-sena li għaddiet, Enemalta plc nediet għadd ta’ miżuri li wasslu biex it-telf minn serq ta’ elettriku jitnaqqas bi 33%.
Fost l-oħrajn, żiedet ir-riżorsi biex tagħmel aktar spezzjonijiet għall-għarrieda u biex teżamina suspetti ta’ abbuż.
Bdiet ukoll tagħmel użu minn għodda speċjalizzata biex taqbad l-irregolaritajiet fil-qari tal-konsum tal-elettriku.
F’Settembru, il-Gvern saħħaħ il-ħidma tal-Enemalta meta biddel ir-regolamenti dwar is-serq tal-elettriku biex żdiedu l-pieni għal dawk li jinqabdu b’dan ir-reat. Il-multi żdiedu minn 10% tal-prezz tal-elettriku misruq għal 200%.