Ħallsu prezz qares għax sfidaw lill-Mafja

Wieħed ġie maqtul minn karozza bomba pparkjata taħt id-dar t’ommu filwaqt li sieħbu kien maqtul b’nofs tunnellata splussiv li l-mafjużi ta’ Totò Riina poġġew taħt it-triq minn fejn kellu jgħaddi.
Min jisma’ dawn l-istejjer jaħseb li huma xi storja ta’ xi film, imma filfatt dawn huma stejjer veri li seħħew ftit il’bogħod biss minn Malta fl-1992 u li wieħed jista’ jaqra aktar dwarhom fil-kotba Sfidaw lill-Mafja.
Nhar l-Erbgħa se jkunu ppubblikati dawn iż-żewġ kotba ġodda fuq il-Mafja fuq kitba ta’ Robert Aloisio.
Il-kotba bl-isem Sfidaw lill-Mafja u  Falcone u Borsellino: Żewġ lmħallfin li Sfidaw lill-Mafja inkitbu fl-okkażjoni tal-25 sena mill-qtil taż-żewġ imħallfin Palermitani, Giovanni Falcone u Paolo Borsellino.
Ma’ Newsbook.com.mt  Aloisio qal li kiteb dawn il-kotba biex jagħti tama u jfakkar li ma rridu qatt nidraw il-ħażen, ikunx mafja jew xi ħaġa oħra u li m’għandna qatt nirrassenjaw ruħna għalih. Sostna li l-ġwejjef u l-beżżiegħa jagħmlu hekk.
Żied jgħid li l-25 sena mill-qtil barbaru tal-imħallfin Giovanni Falcone u Paolo Borsellino ma riedx iħallih anniversarju li jibqa’ għaddej qisu qatt ma kien xejn. Għalkemm kienu Sqallin u mhux Maltin, qabel xejn kienu persuni onesti, korretti u ġusti.
It-tnedija ta’ dawn iż-żewġ kotba se ssir fiċ-Ċentru Ħanin Samaritan, Triq il-Palazz l-Aħmar, f’Santa Venera fil-5pm u hi miftuħa għall-pubbliku.
X’se ssib f’dawn il-kotba ġodda?

  • L-istorja tal-Imħallef Giovanni Falcone li l-mafja użat nofs tunnellata splussiv biex toqtlu. Għaliex il-mafja kienet tobogħdu daqshekk?
  • L-istorja tal-Imħallef Paolo Borsellino li wara li qatlu lil sieħbu Falcone kien jaf li kien imiss lilu. Għaliex baqa’ hemm u ma telaqx minn Sqallija?
  • L-istorja ta’ Rosaria, armla żagħżugħa li l-għajta tagħha fil-knisja, għajta ta’ maħfra u ġustizzja, għadha tidwi sal-lum. Għaliex?
  • L-istorja ta’ Tommaso Buscetta, is-superboss tal-mafja, li wara li l-Corleonesi mafjużi qatlulu tnax-il membru tal-familja tiegħu, fosthom tnejn minn uliedu, iddeċieda li jikkollabora mal-ġustizzja u kixef is-sistema mafjuża.
  • L-istorja ta’ Totò Riina, “il capo dei capi”, li minn kriminal żgħir ta’ serq ta’ bhejjem spiċċa biex sar il-kap tal-mafja kollha ta’ Palermo. Kif irnexxielu jagħmel dan?
  • Ir-rabta bejn il-mafja ta’ Sqallija u Malta. Veru li Totò Riina kien ikun spiss Għawdex? Veru li dak li għafas ir-remote u sploda lil Falcone ftit qabel kien ukoll Għawdex?
  • X’kienu ġew jagħmlu Malta t-tliet ulied tal-Imħallef Borsellino, tliet xhur wara li qatlulhom lil missierhom? Intervista ma’ min kien responsabbli li ġabhom hawn Malta.
  • Intervista esklussiva ma’ Maria Falcone, oħt l-Imħallef Falcone, b’messaġġ lill-qarrejja u liż-żgħażagħ Maltin.
  • Dizzjunarju ta’ termini assoċjati mal-mafja.
  • 100 kwotazzjoni minn fomm dawk li ġġieldu lill-mafja.