Żewġ hairstylists pożittivi għall-coronavirus fl-Istati Uniti

Stock Photo: U.S. Air Force photo by Kemberly Groue

Żewġ hairstylists irriżultaw pożittivi għall-coronavirus fl-Istati Uniti wara li ħassew is-sintomi waqt li kienu qed jaħdmu fis-salon tagħhom. Jidher li huma ħadmu min tal-inqas tmint ijiem li fihom kellhom is-sintomi tal-virus.

Minkejja li kemm il-hairstylists u l-klijenti tagħhom kienu lebsin il-maskri, uffiċjali f’Missouri qalu li t-tnejn bejniethom setgħu infettaw 140 klijent fl-istess salon.

Id-Dipartiment tas-Saħħa qal li huma ħadmu min-nofs Mejju sal-Erbgħa li għaddiet.

Il-każ kien irrappurtat bi prominenza minn aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali hekk kif dan l-inċident espona r-riskji li għaddejjin minnhom in-negozji fl-Istati Uniti. In-negozji f’għadd ta’ stati Amerikani tħallew jerġgħu jiftħu wara ġimgħat ta’ restrizzjonijiet minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Sa issa fl-Istati Uniti hemm iktar minn 1,600,000 persuna li ġew infettati u kważi 100,000 persuna li mietu kawża tal-virus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn