L-AFM idaħħlu 99 immigrant f’Malta

Aġġornat 05:46 PM

Read in English.

Il-Forzi Armati ta’ Malta daħħlet 99 immigrant Malta wara waħda mill-ħidmiet ta’ tiftix u salvataġġ fl-aħħar sigħat

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliema għall-Pulizija li spjegat li kien hemm total ta’ 92 persuna maskili, sitt nisa u tifla minuri. Spjegat li mhux magħruf kemm mill-irġiel huma minuri.

Aktar kmieni, kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta qalet lil Newsbook.com.mt li l-ewwel grupp iddaħħal Malta fis-12.45pm. Hi ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonferma l-ħin li fih iddaħħal f’Malta t-tieni vapur.

Fi stqarrija, il-Forzi Armati ta’ Malta spjegaw li l-immigranti ġew żbarkati f’Haywharf illum waranofsinhar. Qalu li bħalissa għadha għaddeja b’ħidma f’numru ta’ każijiet oħra ta’ tiftix u salvataġġ.

Il-ħidma tal-AFM bdiet wara li l-għaqda Alarm Phone innotifikat lill-NGO Sea-Watch International dwar il-pożizzjoni preċiża ta’ dgħajsa li kienet tinsab fil-periklu. F’sensiela ta’ tweets, Sea-Watch spjegat li Malta ikkonfermat li kienet se tiskatta ħidma sabiex jiġu salvati dawn l-immigranti. L-għaqda sostniet li minn dak li ġara fil-passat, kellhom dubju jekk l-awtoritajiet Maltin verament kinux se jieħdu azzjoni immedjata u b’hekk iddeċidew li jmorru fuq il-post huma wkoll.

L-NGO kompliet tgħid li biex il-bastiment Sea-Watch 3 wasal fiż-żona partikolari dam tmien sigħat. Malli wasal l-immigranti kienu għadhom fl-istess ilma. L-ekwipaġġ tal-bastiment beda jqassam il-ġkieket tas-salvataġġ lill-immigranti kollha. L-immigranti li kienu ilhom bejn sema u ilma għal numru ta’ jiem raw żewġ bastimenti għaddejjin mill-viċinanzi u qalu li t-tnejn li huma injorawhom.

Sea-Watch qalet li kien hemm bastiment tal-Forzi Armati ta’ Malta li kien ilu tliet sigħat wieqaf fil-viċinanzi. Kompliet tispjega li l-AFM qalet lil Sea-Watch 3 li kienet se tieħu lill-immigranti f’periklu abbord bastiment tagħha. Qalet li din il-ħidma ħaditilha sagħtejn. L-għaqda rrimarkat li dan l-aġir li sejħitlu ‘perikoluż’ seħħ matul il-lejl.

“Il-Forzi Armati ta’ Malta jsalvaw il-ħajjiet meta jiġu sfurzati jagħmlu dan,” kompliet tgħid l-għaqda.

Fi tweets separati, Alarm Phone spjegat li llum hemm numru konsiderevoli ta’ dgħajjes f’periklu fiċ-Ċentru tal-Mediterran. Qalu li jinsabu inkwetati li ħafna minnhom se jiġu sfurzati jirritornaw il-Libja, jew jitilfu ħajjithom fuq il-baħar. Fost id-dgħajjes kien hemm waħda tal-injam li fuqha kellha madwar 70 persuna.

L-għaqda Alarm Phone spjegat li lbieraħ avżat lil Malta bi tliet każi differenti ta’ dgħajjes fil-perikli tal-għarqa. Qalet li l-awtoritajiet damu sigħat twal biex iwieġbu t-talbiet ta’ Alarm Phone.

Aktar kmieni, minn tal-inqas 12-il persuna għerqu u 21 oħra ġew salvati wara li dgħajsa mimlija immigranti għerqet ‘il barra minn gżira fil-Punent tal-Greċja. Dan skont l-awtoritajiet Griegi.