Aġġornata: Żball f’karta ta’ eżami tal-liġi; “L-istudenti ħaqqhom kumpens” – għaqdiet studenteski

Read in English.

L-istudenti universitarji kellhom żewġ eżamijiet posposti f’dawn l-aħħar jiem, billi sar żball f’karta tal-eżami tal-liġi llum u f’karta tal-eżami tal-fiżjoterapija lbieraħ. L-għaqdiet studenteski qalu li l-istudenti ħaqqhom kumpens.

Dalgħodu l-istudenti li huma fil-ħames sena tal-kors ħadu qatgħa meta kwarta wara li kien beda l-eżami tal-Proċeduri Kriminali (bil-kodiċi CRL5009) fl-10am, ġew infurmati li l-eżami kellu jiġi sospiż minħabba żbalji fil-karta tal-eżami. Kienu l-istudenti stess li ntebħu li kien hemm żball fil-karta.

Newsbook.com.mt hu infurmat li lbieraħ ġara l-istess b’eżami universitarju ieħor, din id-darba fil-kors tal-fiżjoterapija.

L-istudenti jirreaġixxu

Fi stqarrija, il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) qal li huwa mħasseb dwar dan il-każ minħabba diversi raġunijiet, ewlenija fosthom il-fatt li sabiex karta ta’ eżami titlesta, ikun hemm bord ta’ eżaminaturi li jgħaqqadha u japprovaha. KSU qalu li dan il-bord kellu jiżgura li l-karta jkollha l-kontenut tat-taqsima studju korretta. B’hekk sejħu s-sitwazzjoni inġusta għall-istudenti.

L-eżami ġie pospost għall-5pm tal-lum stess. Dwar dan, KSU qalu li dan it-tibdil fil-ħin ċertament se jħawwad lill-istudenti u jkollu effett negattiv fuq kif imorru fl-eżami.

Għaldaqstant, il-KSU, flimkien mal-għaqdiet studenteski universitarji li jirrappreżentaw lill-istudenti tal-liġi, GħSL, ELSA, JCA u r-rappreżentanti tal-istudenti, qegħdin jitolbu li l-interessi tal-istudenti jiġu mħarsa billi l-istudenti kollha jkunu kumpensati għal din is-sitwazzjoni, li ssir analiżi ta’ x’ġara u x’mar ħażin u x’miżuri se jittieħdu biex il-kwistjoni tirranġa ruħha. Barra minn hekk, qalu li jridu li l-Università tikkommetti ruħha li kwistjonijiet bħal dawn ma jirrepetux ruħhom. L-istudenti insistew li l-Università trid tikkunsidra li twaqqaf proċeduri interni għal x’jista’ jiġri f’każijiet bħal dawn.

Il-KSU ħeġġew lil studenti li jkollhom xi lmenti dwar is-sitwazzjoni biex javviċinaw lill-Uffiċċju tal-Edukazzjoni fi ħdan il-Kunsill fuq education@ksu.org.mt.