Żewġ eksplejers tat-tim nazzjonali ħatja fuq xiri ta’ logħob

Żewġ eksplejers tal-futbol mit-Tim Nazzjonali Malti nstabu ħatja dwar xiri ta’ logħob.
Kyle Cesare u Emanuel Briffa, ta’ 22 u 23 sena rispettivament, ingħataw is-sentenza ta’ libertà kkundizzjonata għal sentejn. Dan wara li l-Qorti tal-Appell ikkonfermat it-talba tal-Avukat Ġenerali.
Iż-żewġ plejers tkeċċew għal ħajjithom mill-Bord tal-Kontroll, Etika u Dixxiplina tal-UEFA x-xahar li għadda.
Fil-Qorti ħareġ li plejer ieħor mit-tim, imsejjaħ il-whistleblower, kien allega li ż-żewġ plejers kienu involuti f’xiri tal-logħob. Huwa kien qed jirreferi għal-logħba ta’ kwalifikazzjoni fil-Kampjonat Ewropew li ntlagħbet bejn Malta u l-Montenegro fit-23 ta’ Marzu 2016.
Cesare u Briffa kienu ġew illiberati mill-akkużi mill-Qorti tal-Maġistrati f’Awwissu tal-2016. Il-Maġistrat kien qal li ż-żewġ żgħażagħ kienu vittma ta’ pressjoni żejda u immaturità, u b’hekk kienet neħħitilhom il-fakultà ta’ ġudizzju liberu.
Fil-Qorti tal-Appell ippreseduta minn Giovanni Grixti ġie konkluż li m’hemm l-ebda evidenza li ssostni l-konklużjoni milħuqa fl-ewwel Qorti u osserva kif lanqas l-avukati tal-akkużati ma ħadu din il-linja ta’ difiża.
Grixti qal ukoll li ma fehemx kif il-Qorti waslet għal din il-konklużjoni hekk kif huma ma kinux irrapportaw lill-awtoritajiet relevanti u kienu saru żewġ laqgħat oħra u l-pjan biex it-tim nazzjonali jitlef il-logħba.