Żewġ dros identiċi u aktar fiċ-Champions League

Bayern München vs Manchester United 1-1
Kienet logħba missielta bejn Bayern München u Manchester United li kienu l-inqas favoriti.
Madanakollu kienu l-United li fetħu l-iskor ftit qabel is-siegħa logħob permezz tad-daqqa ta’ ras ta’ Nemanja Vidić.
Bastian Schweinsteiger ġab id-dro għal Bayern u tkeċċa wara li qala’ t-tieni karta safra għall-foul fuq Wayne Rooney.
Bayern fit-tieni leg ġewwa darhom se jkollhom sospiż ukoll lil Javi Martínez.

Atlético Madrid vs Barcelona 1-1
Partita oħra eċċitanti u lussuża kienet dik bejn Atlético Madrid u Barcelona.
Atlético Madrid, li ilhom ma jkunu mal-aħħar tmienja mill-1997, kienu huma li fetħu l-iskor wara biss 11-il minuta b’xutt b’saħħtu u angulat ta’ Diego Costa.
Neymar ġab id-dro għal Barcelona fil-71 minuta biex b’hekk skurja r-raba’ gowl personali f’din il-kompetizzjoni.
L-eroj tal-partita kien il-gowlkiper ta’ Atlético Madrid Thibaut Courtois, li wettaq tliet salvataġġi ta’ klassi.

Il-partiti tal-lejla:
Fl-Estadio Santiago Bernabéu ta’ Madrid, Real Madrid jilgħu f’darhom lil Borussia Dortmund.
Il-kowċ Taljan ta’ Real Madrid Carlo Ancelotti qal li jinsabu 100% preparati għal kontra t-tim Ġermaniż.
Minn naħa tiegħu Jürgen Klopp il-kowċ ta’ Borussia Dortmund qal li t-tim tiegħu se jilgħab il-logħba tiegħu u l-plejers se jinżlu fil-grawnd b’rashom mgħollija.
F’Parc des Princes f’Pariġi, Paris Saint-German jilqgħu lit-tim ta’ Chelsea.
Konfront partikulari li fih naraw lil Josè Mourinho u Zlatan Ibrahimović kontra xulxin.